Filmat: “Mhux se nittolleraw abbużi minn min iħaddem” – Il-Gvern lill-MCESD

Filwaqt li wera l-apprezzament lejn il-maġġorparti tal-kumpaniji li qed jaħdmu biex isalvaw l-impjiegi, il-Ministru Carmelo Abela saħaq li abbużi minn min iħaddem mhux se jkun tollerat. Hu qal dan waqt laqgħa li kellu mal-Kunsill Malti għall-IŻvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri. Huma ddiskutew is-sitwazzjoni preżenti marbuta mal-imxija tal-coronavirus u l-impatt ekonomiku fuq in-negozji.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali Carmelo Abela, innota li l-Gvern qed jonora l-ftehim importanti li kien milħuq bejn ir-rappreżentati tal-ħaddiema u min iħaddem u jistenna li hekk kif il-Gvern qed joħroġ ir-riżorsi tiegħu sabiex jiġu salvagwardjati l-impjiegi, min iħaddem ukoll irid jagħmel l-isforzi meħtieġa, għal dan il-għan. Fakkar li f’każ li jkun hemm xi kumpanija li ssib xi diffikultà jew tkun tixtieq tbiddel xi kundizzjonijiet tax-xogħol, dan irid isir permezz ta’ diskussjonijiet mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi.

Hu insista li l-ftehim li ntlaħaq mal-imsieħba soċjali fl-MCESD,  irid jiġi rispettat u kulħadd irid jagħmel l-almu tiegħu sabiex jimxi mieghu. Il-Ministru Abela tenna li huwa biss bl-għaqal li l-pajjiż jista’ jirkeb fuq riżultati pożittivi li kiseb.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri rrimarka li fit-3 darbiet li l-Gvern resaq quddiem il-poplu, dejjem ressaq pakket finanzjarju ikbar minn ta’ qablu u dan għax il-Gvern sema’ u se jkompli jisma’ sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji. Il-Ministru Schembri qal li tul it-tranżizzjoni minn strateġija ta’ ħruġ għall-istrateġija sabiex tkun stimulata l-ekonomija l-Gvern se jkun qed jibqa’ jgħin lin-negozji għalhekk importanti li kulħadd jimxi id f’id tul dan il-proċess filwaqt li l-Gvern se jkun ta’ spalla.

Intant, fil-kummenti tagħhom l-imsieħba soċjali għaddew ir-rimarki, il-ħsibijiet u l-isfidi li qegħdin jiltaqgħu magħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-tielet pakkett ta’ miżuri finanzjarji li kien ħareġ il-Gvern. Min-naħa tagħhom il-Ministri Abela u Schembri qalu li huma ħadu nota tal-kontribuzzjonijiet imressqa. Appellaw għal iżjed ħidma konġunta ħalli flimkien ikomplu jinstabu s-soluzzjonijiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn