Filmat: “Mhux se nistrieħ qabel ma ssir ġustizzja” – Il-Prim Ministru dwar il-qtil ta’ DCG

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux se jistrieħ qabel ma ssir ġustizzja fuq l-isplużjoni tal-Bidnija, li kollox jindika li fiha mietet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Waqt konferenza f'Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinsab imweġġa' b'dak li ġara llum u ddeskriva dan il-jum bħala "ġurnata sewda" għal Malta.
Il-Prim Ministru qal li kulħadd għandu dritt jikteb li jrid u jekk xi ħadd iħossu mweġġa' b'dak li jgħid xi ħadd, għandu l-Qorti biex jipproteġi ruħu u l-ebda mod ieħor.
Appella għall-għaqda nazzjonali u qal li mhux il-ħin li noqogħdu nitkellmu fuq l-aġir ta' persuna.
Qal li ta struzzjonijiet lill-Pulizija u l-awtoritajiet Maltin, biex issir ġustizzja u anke biex jitqabbdu korpi barranin li jistgħu jgħinu fl-investigazzjoni.
Saħaq li hi kienet iebsa ħafna drani fil-konfront tiegħu imma ma jista' qatt jiġġustifika "att barbaru."
Dr Muscat qal li tkellem mal-Kap tal-Oppożizzjoni u wara li infurmah bl-informazzjoni kollha, iddeċidew li d-dibattitu dwar il-Baġit jimxi ġurnata.
Għalhekk, ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni se ssir għada.
Minflok, fis-seduta tal-lejla, kemm il-Prim Ministru u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni, se jkunu qed jagħmlu stqarrija dwar dan il-każ.