Filmat: ‘Mhux se jkollna fejn narmu l-iskart tal-kostruzzjoni’

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li ma baqax wisq post fejn jista’ jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni. Huwa saħaq li bħalissa dan qed jintrema f’barrieri li ma għadhomx jintużaw. Muscat kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet minn Newsbook.com.mt dwar jekk hemmx xi ħsieb li ssir reklamazzjoni tal-art hekk kif il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera rrefera għaliha dan l-aħħar. Kompla jispjega kif għalkemm jeżisti sit fil-baħar li ilu jintuża minn wara l-gwerra, il-Gvern qed jipprova jirreżisti l-idea li jarmi fil-baħar. Huwa qal li rigward dan is-sit hemm studji biex jaraw kif inhi s-sitwazzzjoni. Muscat saħaq li l-proġetti tal-kostruzzjoni se jibqgħu għaddejjin u għalhekk se jibqa’ jiġi ġġenerat dan it-tip ta’ skart.

Il-Prim Ministru kompla jispjega kif Baħar iċ-Ċagħaq huwa l-iktar post fejn tista’ ssir ir-reklamazzjoni tal-art iżda din tista’ tkun ta’ problema minħabba l-posidonia jew l-alka li tinsab fil-baħar tal-inħawi. Il-posidonia hi protetta permezz tal-liġijiet ambjentali Ewropej.

Il-Prim Ministru saħaq li r-reklamazzjoni tal-art kienet parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista tal-2013 u spjega kif kienu ħarġu sejħiet f’dan ir-rigward. Saħaq li l-Gvern baqa’ jistudjahom fit-tul u semma’ kif Baħar iċ-Ċagħaq huwa wieħed mill-iktar postjiet fejn din tista’ ssir iżda hemm l-problema tal-alka li hi partikolari ħafna skont il-Prim Ministru. Huwa saħaq li għalkemm hemm diversi problemi ta’ natura ambjentali, il-Gvern jħoss li hemm soluzzjonijiet f’dan ir-rigward.