Filmat: Mhux mistennija heatwave oħra dan is-sajf

It-temperaturi fil-jiem li ġejjin mhux mistennija jitilgħu ħafna iktar min-normal. 

F'intervista ma' Newsbook.com.mt Svetlana Caruana mill-Uffiċċju Meteoroloġiku ta' Malta qalet li għal bqija ta' din il-ġimgħa, it-temperatura se tkun bejn 31 u 33 grad celsius.

Hi spjegat kif fl-aħħar 30 sena, il-medja tat-temperatura f'Awwissu kienet ta' 31.8 gradi celsius.

L-Uffiċjal Meteoroloġiku sostniet li r-riħ illum qiegħed Forza 2 għal 3 u nhar il-Ħamis jista' jitla' għal Forza 3 jew 4. Madanakollu enfasizzat li l-qawwa tar-riħ m'għandhiex x'taqsam ma' dak li kellna l-ġimgħa li għaddiet.

Rigward sħana eċċessiva jew kif nirreferu għaliha, heatwave,  Svetlana Caruana qalet li l-indikazzjonijiet juru li dan is-sajf mhux se jkollna heatwave oħra.

Sħana eċċessiva kienet irreġistrata bejn l-20 u t-23 ta' Ġunju li għadda.

Għalkemm ħafna diġà qed isemmu l-għerejjex ta' Santa Marija, Svetlana Caruana saħqet li mit-tbassir tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, mhux mistennija xita fil-ħamest ijiem li ġejjin.