Filmat: Mhux l-ewwel darba li nagħmlu testijiet repetuti fuq l-istess persuna – Prof. Gauci

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci qalet li hemm każijiet fejn persuna tgħaddi mill-iswab test aktar minn darba. Dan anke jekk għall-ewwel test tal-coronavirus tkun ħarġet negattiva u partikolarment fejn jidħlu każijiet ta’ riskju għoli.

Ġurnal awtorevoli tal-mediċina, Annals of Internal Medicine, f’pubblikazzjoni datata għat-13 ta’ Mejju tal-2020, wissa li wieħed m’għandux iserraħ moħħu li għax it-test għall-coronavirus joħroġlu negattiv, mela kollox sew u m’hemmx riskju għalih.

L-istudju jispjega kif ir-riżultat tat-test huwa biss validu sa dak il-ħin li jkun sar u tliet ijiem wara jista’ jkun il-każ li dak li jkun joħroġ pożittiv, anke jekk l-ewwel test kien negattiv.

L-istudju jgħid li jekk it-test isir fil-jum ta’ espożizzjoni għall-virus, ir-riżultat se joħroġ negattiv 100%, erbat ijiem wara 38% tat-testijiet jibqgħu negattivi, anke jekk dak li jkun ikollu l-virus. Saħansitra f’20% tal-każi jista’ jibqa’ negattiv anke meta tkun diġà bis-sintomi tlett ijiem. Kompla jgħid li dan ifisser li jekk wieħed ikun mar għat-test għax kellu xi sintomi li jindikaw li għandu l-virus u t-test ikun negattiv, għandu jerġa’ jagħmel it-test tlett ijiem wara biex jaċċerta ruħu li mhux pożittiv.

Tabib tal-familja li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li għalhekk it-test huwa biss għodda biex tgħinhom jidentifikaw persuni bil-Covid-19 imma l-interpretazzjoni tat-test trid issir bir-reqqa.

Intant, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet illum, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li din mhix kwistjoni ta’ false negative jew le, imma kwistjoni ta’ kemm wieħed għandu livell tal-virus li hu għoli biex jinqabad it-test. Hi kienet qed twieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt.

Prof. Gauci appellat biex kull min għamel it-test għax ħass xi sintomi u ħareġ negattiv, importanti li jibqa’ f’iżolament għaliex jista’ jkun li kienet sitwazzjoni fejn ma kienx hemm biżżejjed virus u ma nqabadx, jew inkella għandu xi mikrobu ieħor. Qalet li importanti li jitnaqqas ir-riskju ta’ firxa ta’ mikrobi kollha, mhux biss tal-coronavirus.

Hi spjegat kif persuna li tkun esposta għall-virus ma jsirilhiex it-test fl-istess ġurnata. Qalet li dan hekk kif jista’ jkun hemm perjodu ta’ jumejn qabel ma jibdew ħerġin is-sintomi. Qalet li meta jsir il-contact tracing, isir testing fuq persuni li jkunu f’kuntatt viċin mal-persuna li tkun instabet pożittiva għall-virus. Spjegat kif ħafna drabi, f’każi ta’ riskju għoli, it-testijiet isiru b’mod repetut sakemm ikun assigurat li m’hemmx riskju li joħorġu pożittivi.

Irrimarkat li anke fejn jidħlu l-healthcare workers, fejn hemm espożizzjoni għall-virus, it-testijiet isiru b’mod repetut. Insistiet li l-aktar ħaġa important tibqa’ li jekk hemm persuni li kellhom xi espożizzjoni jew nies li għandhom is-sintomi, importanti li dawn jiżolaw ruħhom u f’sitwazzjonijiet fejn persuni kienu esposti, importanti li joqgħodu fi kwarantina u ma jmorrux għax-xogħol ħalli ma jesponux lil ħaddieħor.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn