Filmat: “Mhux kull kriminal għandu jintbagħat il-ħabs”

Filwaqt li jemmen li fil-pajjiż hawn bżonn ta’ ħabs, Prof. Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, sostna li mhux kull min wettaq kriminalità għandu jiskonta sentenza l-ħabs għar-rijabilitazzjoni tiegħu.

Prof. Azzopardi kien qed jiġi intervistat minn Newsbook.com.mt wara li s-Sibt li għadda, raġel ta’ 45 miet fl-Aġenzija Korrettiva ta’ Kordin.

Dwar kemm il-ħabs f’Malta joffri ħajja dinjituża lir-residenti, Prof. Azzopardi sostna li le. Irrimarka li meta xi ħadd jitkellem fuq “aġenzija”, fil-qasam soċjali wieħed ikun qed jindika l-emanċipazzjoni ta’ persuna. Jiġifieri persuna tidħol hemm għax għamlet xi ħaġa ħażina, u li daħlet f’dan il-post biex tgħaddi minn perjodu ta’ rijabilitazzjoni minn fejn toħroġ bħala persuna aħjar.

Irrimarka kif filwaqt li kien hemm affarijiet li ttejbu matul is-snin u hemm ħafna iktar dixxiplina, hemm diviżjonijiet, bħad-diviżjoni sitta, li mhux adegwati, huma sovrapopolati, m’hemmx servizzi sanitarji tajbin, tintuża r-reklużjoni u għandek gruppi ta’ persuni magħluqin fl-istess kamra għal sigħat twal. “Meta nħares minn dan il-lat, nibda ngħid hemm sens ta’ umanità? Sens ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem?” staqsa Prof. Azzopardi.

“Problema li persuni li ma ħallsux it-taxxa jispiċċaw il-ħabs”

Prof. Azzopardi insista li jemmen li l-ħabs hemm bżonnu, partikolarment fejn jidħlu nies li għandhom bżonn li jitqiegħdu l-ħabs għax huma ta’ periklu għas-soċjetà. Sostna iżda li meta għandek nies li ma għax ma ħallsux it-taxxa, jew għax għad għandhom is-smigħ tal-każ tagħhom għaddej fil-Qorti, jibqgħu jinżammu taħt arrest, u ġieli għal snin twal, din hija problema.

Hu kompla billi spjega kif dawk il-persuni li verament għandhom bżonn ikunu fil-ħabs m’hemmx bżonn jitpoġġew f’diviżjonijiet b’nuqqas ta’ sanità u fejn toilet irid jinqsam ma’ persuna oħra f’kamra żgħira ħafna. “Nistgħu ntejbu l-mudell ta’ ħabs tagħna fiżikament u strutturalment,” insista Prof. Azzopardi.

Semma wkoll kif ma jaqbilx li sentenza ta’ għomor il-ħabs ma tistax tkun ikkontestata. Qal li jemmen li f’ċertu punt tas-sentenza, wieħed għandu jkun jista’ jikkontesta sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Minn nhar is-Sibt, suġġetti varji u diskussjonijiet b’ħafna rispett

Il-Professur Andrew Azzopardi se jkun qed imexxi l-programm Andrew Azzopardi on 103 fuq 103 Malta’s Heart kull nhar ta’ Sibt bejn l-10am u 12pm. Dwar wieħed x’għandu jistenna minn dan il-programm, Prof. Azzopardi qal li l-pubbliku għandu jistenna diskussjonijiet b’ħafna rispett. Insista li l-intervisti li se jkun qed jagħmel se jkollhom mistoqsijiet rispettużi u riċerkati. Qal li jinteressah li jsir jaf il-verità u għandu pożizzjoni fuq kollox.

“Nixtieq li aħna permezz tar-radio show, nippruvaw li nħallu dinja tikka żgħira aħjar għal ħaddieħor. Li ngħinu biex inbiddlu d-dinja ta’ priġunier, individwu, ta’ xi ħadd li qed ibati minn inġustizzja, jekk nagħmlu din il-ħaġa, inkunu qed nagħmlu xi ħaġa tajba,” temm jgħid Prof. Azzopardi.