Filmat: Mhux kulħadd jiċċelebra fil-festi tal-Milied – Il-President

Read in English.

Wieħed għandu jiftakar f’dawk il-persuni li ma jiċċelebrawx il-festi tal-Milied, hekk kif ikunu jridu jidħlu għax-xogħol sabiex jekk jinqala’ każ ta’ emerġenza jkunu jistgħu jassisstu. Dan qalu l-President George Vella f’kumment ma’ Newsbook.com.mt.

Il-President Vella rringrazzja lill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li skontu “jirriskjaw ħajjithom sabiex isalvaw lil ħaddieħor.” Hu żied jgħid li dawn il-membri huma mħarrġa b’mod effiċċjenti sabiex jaraw li kulħadd ikun sigur.

Avveniment annwali biex nagħmlu xi ħaġa aktar – il-Ministru Farrugia

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia spjega li filwaqt li l-membri tal-protezzjoni ċivili qegħdin hemm matul is-sena kollha għas-sigurtà pubblika, dan l-avveniment annwali jservi bħala “xi ħaġa żejda” għal dawk li jikkontribwixxu mill-Community Chest Fund.

Hu insista li l-Community Chest Fund tieħu pass żejjed għal dawk il-persuni fil-bżonn, speċjalment fejn jidħol il-mard.

Id-Direttur tas-CPD b’appell għal ċelebrazzjonijiet responsabbli

Id-Direttur tad-dipartiment Emmanuel Psaila ddeskriva kif apparti milli jiġbor fondi għall-Istrina, l-avveniment iservi bħala eżebizzjoni tax-xogħol tad-dipartiment u t-trakkijiet tagħhom lill-pubbliku ġenerali.

Psaila appella lill-pubbliku sabiex joqgħod attent u ma jfittix il-periklu fiż-żmien tal-festi. Talab sabiex il-pubbliku ma jsuqx taħt l-influwenza tal-alkoħol jew minħabba l-użu tal-mowbajl.

Naħdmu b’qalbna – membru tad-dipartiment

Mario Scicluna, li huwa membru tad-Dipartiment, qal ma’ Newsbook.com.mt li minkejja li wieħed irid juża’ moħħu sabiex jassigura li ħadd ma jweġġa’, huma jaħdmu wkoll ħafna b’qalbhom.

Scicluna ddeskriva kif hu daħal mal-Protezzjoni Ċivili bħala voluntier fl-2007 u beda jaħdem uffiċċjalment magħhom fl-2015.

Meta mistoqsi dwar esperjenzi speċifiċi li jiftakar fil-karriera tiegħu, Scicluna rrisponda li jiftakar kull każ li ħadem fih. Żied jgħid li l-inċidenti li jinvolvu t-tfal ma jinsihom qatt. Spjega li ħafna drabi, it-tfal jispiċċaw isofru l-konsegwenzi tal-aġir u n-ngeliġenza tal-adulti.

Scicluna appella lill-ġenituri sabiex joqgħodu aktar attenti sabiex jissalvagwardjaw is-sigurtà ta’ wliedhom hekk kif dawn jiddependu ħafna fuqhom.