Filmat: “Mhux intom biss tixtiequ tafu għaliex inqatlet Daphne”

Credit: Monique Agius

Vigil Live from Great Siege Memorial23 months#DaphneCaruanaGalizia

Posted by Occupy Justice Malta on Monday, September 16, 2019

Il-ġurnalist Taljan magħruf Sandro Ruotolo qal li mhumiex biss il-Maltin li jixtiequ jafu għaliex inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia imma anke sħabu l-ġurnalisti u l-pubbliku fl-Italja.

Ruotolo qal dan f’diskors fil-Belt Valletta waqt attività organizzata minn Occupy Justice, Repubblika, u Manuel Delia biex jitfakkar l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

“Mhux intom biss tixtiequ ssiru tafu għaliex inqatlet Daphne Caruana Galizia. Irridu nkunu nafu aħna wkoll. Il-ġurnalisti u n-nies komuni, għaliex jekk tkunu inqas ħielsa intom, inkunu inqas ħielsa aħna wkoll,” qal Ruotolo.

Flimkien ma’ ġurnalist ieħor mhedded minn kriminali, organizza petizzjoni li fi ftit ġimgħat ġiet iffirmata minn kważi 42,000 persuna. Din il-petizzjoni titlob lill-Gvern Malti biex jiftaħ inkjesta indipendenti dwar l-assassinju.

Skont Ruotolo, meta ġurnalist jiġi mhedded jew maqtul tkun qed tiġi attakkata d-demokrazija.

“Mingħajr libertà tal-informazzjoni, ma jistax ikun hemm demokrazija.” Qal li 11-il ġurnalist fl-Italja inqatlu mill-mafja jew minn terroristi. Hemm mijiet li llum huma mhedda. Minnhom, 22 għandhom skorta armata. Ruotolo ilu taħt skorta mill-4 ta’ Mejju 2015. Għalkemm jingħata protezzjoni fiżika, jispiċċa ristrett f’dak li jista’ jagħmel u fejn jista’ jmur.

Ruotolo qal li l-mafja ilha teżisti f’pajjiżu qabel ma twaqqaf ir-Renju tal-Italja magħquda, jiġifieri qabel l-1861. Qal li għadha teżisti sal-lum għax għandha relazzjoni man-nies fil-poter. Kompla jgħid li fejn hemm il-mafja, m’hemmx drittijiet u ma jistax ikun hemm żvilupp ekonoiku u soċjali.

“Il-qliegħ tagħhom hu aktar minn 100 biljun ta’ ewro fis-sena, mingħajr ma titqies l-evażjoni tat-taxxi.” Qal li wieħed mis-setturi tal-akbar profitt għall-Camorra hu d-disponiment u t-traffikar illeċtu tal-iskart. Beda jinvestiga din l-istorja u kmandant tal-mafja ried iqattgħu f’biċċiet.

“Nixtieqkom tifhmu li wiehed mill-aspetti li ma nistax naċċetta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu li hi kienet ġiet mhedda u kienet tibża’ li se joqtluha. U kienet talbet għajnuna lill-Istat.”

“Jien wkoll, u naħseb li nkun qed nitkellem f’ísem il-ġurnalisti ta’ pajjiżi, nagħmel appell lill-gvern Malti. Intom għandkom bżonn issiru tafu l-verità, aħna għandna bżonn tweġibiet. Aħna kollha ghandna s-suspett li l-inkjesti ta’ Daphne jolqtu lil dawk fil-poter. Jeħtieġ li l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha u tintleħaq.”

‘Daphne qatt ma beżgħet mit-theddid – Giovanni Impastato

F’messaġġ mibgħut, Giovanni Impastato tkellem dwar is-similaritajiet bejn Daphne u ħuh Peppino Impastato li nqatel mill-mafja fl-1978.

Peppino Impastato twieled fl-1948 fil-provinċja ta’ Palermo, f’familja tal-mafja. Zijuh inqatel b’karozza bomba. Hu tkellem bla ħajtha f’ilsienu dwar il-kriminaità tal-mafjużi fuq l-istazzjon tar-radju li fetaħ hu stess. Hu inqatel fl-1978 b’ħames kilogrammi ta’ splussivi.
Giovanni Impastato qal li Daphne Caruana Galizia u ħuh poġġew il-ġlieda għall-verità qabel kollox. Qal ukoll li t-tnejn li huma kienu jsemmu lin-nies b’isimhom u qatt ma beżgħu mit-theddid. Kompla jgħid li fil-każ ta’ ħuh twettqet ġustizzja wara 24 sena.

“Issa l-istess ġustizzja qed nitolbuha għal Daphne.”

‘Daphne inqatlet minħabba x-xogħol tagħha’ – Paolo Siani

F’messaġġ mibgħut, Paolo Siani qal li Siani huwa ħu Gianncarlo Siani, ġurnalist assassinat f’Napli fl-1985.

Gianncarlo Siani twieled f’Napli fl-1959. L-artikli tiegħu kienu dwar in-nisġa bejn il-politiċi u l-kriminalità organizzata fost affarijiet oħra. Fit-23 ta’ Settembru 1985 Giancarlo Siani ġie maqtul b’10 tiri f’rasu minn tim ta’ mill-anqas żewg persuni waqt li kien fil-karrozza tiegħu. Wara 12-il sena, il-mandanti u dawk li wettqu d-delitt spiċċaw b’sentenza ta’ għomor il-ħabs.

“Meta ġurnalista tiġi maqtula, u b’dan il-mod, b’karozza bomba, ir-raġuni tista’ tkun biss minħabba x-xogħol tagħha, minħabba dak li kienet taf, minħabba dak li kienet qed investiga u tikteb. Iżda fuq kollox minħabba dak li ma kienetx għada kitbet, iżda li kienet taf.”

Fi kliem Paolo Siani, dan għandu jkun il-punt ta’ tluq tal-investigazzjonijiet kollha, anke jekk huma kumplessi u diffiċli.

“Il-fatti ta’ ġurnalisti maqtula fl-Italja jixbhu lil dak ta’ Daphne. Fil-każijiet kollha, jekk għall-bidu kulħadd kien jitkellem dwar mafja u kulħadd kien igħid biex ifittxu fl-artikli li kitbu, f’dak li kien qalu fuq ir-radju jew it-televiżjoni, wara ftit l-investigazzjonijiet kienu jħarsu f’direzzjoni oħra u anke meta kienu jiġu arrestati l-eżekutturi tad-delitti, spiss il-mandanti kienu jibqgħu misteru, eżatt bħal ta’ Daphne.”

“Naf xi jfissru s-solitudini u s-sofferenzi tal-familjari ta’ Daphne. Hu d-dover tagħhom u tagħna lkoll li nżommu ħaj ir-rikordju tagħha, biex inkunu nistgħu nibnu soċjetà ġdida ħielsa minn kull tip ta’mafja,” temm jgħid Siani.

“Kienu qalulna li dan il-każ magħluq, akkumpanjat mill-biki ta’ Joseph Muscat. Miskin.”

Il-President tal-Għaqda Repubblika Marion Pace Asciak qalet li fis-16 ta’ Ottubru li ġej se jkunu għaddew sentejn mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Pace Asciak imbagħad tkellmet dwar il-kumpanija sigrieta Egrant u l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Dwar Egrant qalet li f’Lulju tal-2018 tlesta r-rapport dwaru imma baqa’ f’idejn il-PM.

“Kienu qalulna li dan il-każ magħluq, akkumpanjat mill-biki ta’ Joseph Muscat. Miskin.”

Staqsiet kif Muscat li tant beka ma ħa l-ebda pass biex isib min iffalsifika d-dokumenti. Qalet li wasal il-mument li Muscat jgħid ta’ min hi Egrant u fakkret li din il-persuna hi aktar importanti miċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri u mill-Ministru Konrad Mizzi “almenu skont Nexia BT”.

Pace Asciak qalet li wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia, l-unika azzjoni li ħa l-Gvern kienet li jikness il-mafkar ta’ quddiem il-Qorti mix-xemgħat u l-fjuri. Qalet ukoll li permezz tal-midja tiegħu, l-Gvern mela’ lin-nies bi ħdura kontra l-ġurnalista l-maqtula.
“Ftakru li Daphne nqatlet għaliex kienet taf wisq u esprimiet dak li kienet taf.”

‘Min qatel lil Caruana Galizia irid inessi dak li ġara’ – Aquilina

Is-Segretarju Ġenerali ta’ Repubblika Dr Robert Aquilina qal li min qatel lil Caruana Galizia irid inessi dak li ġara u jrid inessi dak li wasal għal dak li ġara.

“Daphne inqatlet għax kien sar possibbli li tkun eliminata bla ma jintilef il-kontroll u bla ma tqum rewwixta.”

Skont Aquilina, il-Partit Laburista witta t-triq għall-assassinju.

“Għamlu kwart ta’ seklu jiddemonizzawha. Lil Daphne kienu juruha bħala saħħara.”
Fakkar ukoll fil-libell li Caruana Galizia kienet rebħet kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat. Qal li l-Qorti qalet li Muscat ma kienx jinteressah mill-verità imma ried ipattihilha.

“Sa Ġunju tal-2017 it-tieni l-akbar forza politika f’Malta kienet qegħda tiġġieled bl-enerġija kollha tagħha l-abbużi u l-korruzzjoni li Daphne kienet tikxef. Iżda wara Ġunju ta’ l-2017 l-affarijiet inbidlu.”

Kompla jgħid li Caruana Galizia spiċċat iżolata għax l-istituzzjonijiet Maltin ma ridux ifittxu l-verità u jwettqu ġustizzja.

Fid-diskors tiegħu, Aquilina qal li dak li kienu jagħmlu lil Caruana Galizia issa qed jagħmluh lill-attivisti tiegħu.

“Irridu li ta’ fuq nett ikunu persuni onesti, li meta jaraw l-abbuż jifqulu u mhux jidħlu kompliċi ma’ ta’ madwarhom u jixtru lil ta’ kontrihom,” qal Aquilina.