Filmat: Mhux se ngħid li Cardona għamel ħażin jekk mar f’burdell – Fearne

Read in English.

Chris Fearne, kandidat għall-kariga ta’ Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru ta’ Malta, qal li hu mhux f’pożizzjoni li jgħid li l-Ministru Chris Cardona għamel xi ħaġa ħażina jekk mar f’burdell meta kien il-Ġermanja.

Fearne, bħalissa Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt.

Dwar jekk politikament jinkwetax li jkollu Ministru fil-kabinett li mar f’burdell, Fearne sostna li dak għandu jarah Cardona nnifsu. Stqarr li hemm ħafna nies li jmorru f’burdell u mhux se jkun hu li jgħid jekk għamilx sewwa jew le.

Mitlub jispjega xi jfisser li l-Ministru ppermetta li jitlef iċ-ċans li juri fil-Qorti li ma kienx żar il-burdell FKK Acapulco, kif ħareġ fil-blogg tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Fearne qal li wieħed hu innoċenti sakemm jinstab ħati.

Mistoqsi jekk politikament jinkwetax li kellu Ministru li mar f’burdell, Fearne sostna li dak għandu jarah Cardona. Qal li hemm ħafna nies li jmorru f’burdell u mhux se jkun hu li jgħid jekk għamilx sewwa jew le.

Fl-2017, il-Ministru Cardona insista li kien f’lukanda f’Essen fil-Ġermanja, fil-ħin li qed jiġi allegat li żar burdell waqt li kien fuq xogħol tal-Gvern f’Dusseldorf. Kien qal li se jagħti l-prova ta’ dan fil-Qorti. Oħt il-ġurnalista assassinata, Corinne Vella, qalet li l-familja Caruana Galizia ma tridx li jiġi rtirat il-każ li nfetaħ kontra l-ġurnalista mill-Ministru u l-konsulent tiegħu Joe Gerada.

F’Lulju tal-2017, l-operaturi tal-mowbajls lokali ġew ordnati mill-Qorti biex jikkonservaw informazzjoni mill-mowbajl ta’ Cardona li turi minn fejn saru telefonati dakinhar tal-każ. Fuq Facebook, Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista, kien qal li Cardona ħalla ż-żmien tal-iskadenza jgħaddi u se jkollu jħallas l-ispejjeż legali tad-difiża. Fi kliem Caruana Galizia din il-mossa turi li Cardona huwa ħati.