Filmat: “Mhux Delia l-problema iżda ta’ madwaru” – Ivan Bartolo

Ivan Bartolo, li huwa l-membru tal-Eżekuttiv li kien minn tal-ewwel li ffirmaw petizzjoni biex il-Kap tal-PN jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja qal li mhux Adrian Delia l-problema iżda n-nies ta’ madwaru.

Waqt il-programm Newsline li jixxandar kull nhar ta’ Sibt fuq RTK, Fr Joe Borg qara wkoll messaġġ taż-żagħżugħ Thomas De Martino li minkejja li kien mistieden fil-programm ma setgħax jattendi. De Martino huwa wieħed minn dawk li qed jiġbor il-firem fost it-tesserati tal-PN biex Adrian Delia ma jirriżenjax.

AQRA: Tesserati jiġbru l-firem għax ma jridux mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia

Ivan Bartolo qal li sa mill-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Settembru 2017 huwa kien qed jissaportja lil Adrian Delia u baqa’ jissaportjah sa tliet ġimgħat ilu.

Mistoqsi għalfejn ma baqax jissaportja lil Delia f’dawn l-aħħar tliet ġimgħat, Bartolo qal li ra li n-New Way li kienet imwiegħda minn Delia meta kien kandidat għall-Kap tal-PN ma seħħitx. Saħaq li f’din is-sena u nofs li ilu Kap Delia kien hemm “status quo” u l-affarijiet baqgħu l-istess.

Matul il-programm, Ivan Bartolo qal b’ton iebes li d-diskussjoni interna bejn in-nies li mhumiex jaqblu mat-tmexxija tal-PN bħalissa mhux issir.

Bartolo saħaq li rrelevanti minn hemm fil-Grupp Parlamentari, Delia xorta seta’ ddawwar b’nies professjonali fil-qasam tagħhom li jikkritikawh b’mod kostruttiv biex isiru l-bidliet neċessarji fil-Partit Nazzjonalista.

Dwar il-finanzi tal-partit, Ivan Bartolo qal li minflok fuq id-dejn, id-diskussjoni kellha ssir fuq l-assi li għandu l-Partit Nazzjonalista inkluż il-Branding Image u t-tesserati bħala n-nies li jimxu wara l-partit.

Saħaq li meta għamel din il-preżentazzjoni lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Delia kien approva din l-istrateġija iżda qal li ħaddieħor kien oġġezzjona.

Mistoqsi dwar għaliex qed jitlob għar-riżenja ta’ Delia fil-petizzjoni li ffirma hu, Ivan Bartolo qal li kien hemm ħtieġa ta’ pass iebes lipermezz tiegħu tinġibed l-attenzjoni ta’ dawk kollha involuti. Qal li l-fatt li hemm petizzjoni miż-żewġ naħħat u l-fatt li Delia beda jitkellem mal-Kunsilliera jfisser li l-affarijiet bdew mexjin ‘il quddiem u tkissret l-“istatus quo”.

Filmat: Il-petizzjoni b’200 firma tal-Kunsilliera tal-PN ippreżentata lill-Partit

Għalkemm inġabru dawn il-firem, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Kristy Debono qalet li xi nies li ffirmaw mhumix membri tal-Kunsill Ġenerali għal diversi raġunijiet. Għaldaqstant, għalkemm qalet li se jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali, għadu mhux magħruf meta se jitlaqqa’. Iż-żewġ Viċi Kapijiet tal-PN David Agius u Robert Arrigo kienu ġew ikkwotati jgħidu li diskussjoni dwar dan mistennija ssir fil-laqgħa tal-Eżekuttiv li jmiss li hija ppjanata li ssir nhar il-Ħamis li ġej.

Fil-laqgħa tal-Ħamis hemm ukoll l-elezzjoni interna li għaliha ma ġiet organizzata elezzjoni bikrija.

AQRA: Deċiżjoni rtirata dwar l-elezzjoni bikrija fil-PN

Tista’ tara l-programm Newsline li fih ipparteċipa wkoll Peppi Azzopardi hawnhekk.