Filmat: “Mhux dejjem se ssib lil min verament tixtieq maġenbek”

Fittixtek - Ruth Portelli

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista ta' l-44 edizzjoni ta' L-Għanja tal-Poplu FITTIXTEK - Ruth Portelli (@Emil Calleja Bayliss, Mark Scicluna).

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Friday, August 21, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Fittixtek

Kantanta: Ruth Portelli

Kliem: Emil Calleja Bayliss

Mużika: Mark Scicluna

Il-bniedem mhux maħluq biex jgħix waħdu. Il-bniedem maħluq biex jgħix f’komunità mdawwar mill-għeżież tiegħu, imdawwar mill-familjari u l-ħbieb, b’relazzjoni magħhom jew ma’ xi maħbub jew maħbuba. Iżda l-ħajja mimlija tlugħ u nżul, u mhux dejjem ħa ssib lil min verament tixtieq maġenbek. Kultant fiżikament jistgħu jkunu preżenti, imma jekk ma jkunux preżenti emozzjonalment wieħed jibda jħoss in-nuqqas tremend ta’ dawn in-nies għeżież. Il-ġrajja ta’ ħajjitna fiha t-tmiem u ħafna drabi f’ħajjitna, ċertu relazzjonijiet jintemmu qabel ma aħna nkunu nixtiequ imma dak ikun miktub fid-destin.   

Ruth Portelli. Ritratt: Joseph Agius Attard

Imwielda fit-2 ta’ Lulju tal-1989, Ruth Portelli hija kantanta mill-Qala, Għawdex. L-ewwel esperjenza tagħha fil-mużika ġiet meta kellha ħdax-il sena fl-Opra Carmen fit-Teatru Aurora. Minn hemm baqgħet miexja ’l quddiem u tavvanza. Bħala waħda mis-solisti fil-Chorus Urbanus taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr John Galea, Ruth kellha l-opportunità li tieħu sehem f’animazzjoni tal-quddies ikkonċelebrata mill-Papa Benedittu XVI fis-sena 2010.  Fl-istess sena, għaddiet għall-Malta Eurosong, u wara perjodu lil hinn mill-mużika minħabba l-familja, għamlet ir-ritorn tagħha fil-festival L-Għanja tal-Poplu u fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza, żewġ spettakli li għalihom għaddiet tliet snin konsekuttivi.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.