Filmat: “Mhux biżżejjed il-kontenut, bżonn ta’ edukaturi eżemplari” – l-Isqof Teuma

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma qal li fl-iskola mhux biżżejjed il-kontenut iżda hemm bżonn ta’ edukaturi eżemplari li jagħtu xhieda tajba b’ħajjithom. F’dik li jidher li kienet referenza għall-Att dwar l-Ugwaljanza li jaf joħnoq id-dritt għal-libertà reliġjuża nkluż fl-iskejjel tal-Knisja, l-Isqof Anton Teuma qal li mhux biżżejjed li jkun hemm istruzzjoni fl-iskejjel iżda hemm bżonn ta’ formazzjoni awtentika lill-istudenti.

Kompla jispjega li hemm bżonn ta’ tisħiħ tal-identità għall-istudenti li huwa sejjaħ bħala dawk li se jkollhom il-futur tal-pajjiż f’idejhom. Fisser li l-bniedem huwa iktar mill-intelliġenza li għandu għaliex ir-relazzjonijiet huma parti integrali minn kif inhu magħmul il-bniedem.

L-Isqof appella lill-fidili miġbura fil-Bażilika tax-Xagħra biex jgħożżu l-fidi u biex ma jħalluhiex biss bħala xi ħaġa akkademika. Stqarr li sfortunatament, iżjed ma jgħaddi ż-żmien ir-reliġjon qed tispiċċa lezzjoni tal-iskola. Qal ukoll li huwa ħażin li din tispiċċa hekk għaliex imbagħad tkun tiddependi biss mill-kapaċità professjonali ta’ min jgħallimha.

X’qalet il-Knisja dwar il-liġi proposta tal-ugwaljanza?
L-iskejjel tal-Knisja bi tħassib serju dwar il-liġi proposta tal-ugwaljanza

F’dan l-ewwel Pontifikal Statali lejlet il-festa tal-Vitorja li għalih attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż immexxijja mill-President u s-Sinjura Vella, l-Isqof Teuma saħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ relazzjonijiet awtentiċi fil-familja li qal hija l-bejta primarja li ssaħħaħ l-identità tal-persuna.

“Alla ma jbiegħedx il-midneb”

Fl-Omelija tiegħu, l-Isqof Teuma jgħid li “Alla ma jbiegħedx lill-midneb”. Huwa jfisser dan billi jsemmi n-nisel ta’ Ġesù u l-persuni li kollha huma meqjusa “midinba u mniġġsa”.

Stqarr li Ġesù jinkorpora fih il-ħażen kollu tal-passat, tal-preżent u tal-futur għax ma jibżax mill-ħażen u d-dnub. Iżda qal li Alla huwa allerġiku għall-ipokrita, għal dawk li jaħsbu li huma fit-tajjeb imma filfatt mhumiex u għal dawk li huma facia doppja jiġifieri għal min jilgħaba tat-tajjeb.

Fit-tifkira tal-Assedju l-Kbir, l-Isqof qal li Ġesù għandu wisa’ wkoll għal min hu fid-dnub għaliex Ġesù jsaltan fuq il-maħfra. Qal li allahares il-Knisja tazzarda b’xi mod twarrab jew teskludi lil dawn għaliex dan mhux il-ħsieb tal-Imgħallem tal-Knisja.

L-Isqof Teuma tkellem kontra l-idea ta’ Alla li jikmanda jew li jikkontrolla. Stqarr li Alla jridna li nkunu ferħana fil-preżent u l-unika interess ta’ Alla hu li nkunu salvati.