Filmat: ​“Mhux aċċettabbli l-attakk fuq Newsbook; theddid ikkordinat”

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech saħaq li l-attakk sistematiku fuq Newsbook.commt mhux aċċettabbli u fi kliemu jikkonferma t-theddida fuq il-midja indipendenti li qed issir b’mod ikkoordinat.

F’filmat li ppubblika fuq il-paġna tiegħu, Zammit Dimech irrefera għar-rapport ta’ Newsbook.com.mt aktar kmieni din il-ġimgħa, dwar gruppi ‘sigrieti’ fuq il-mezzi soċjali li jikkonfoffaw biex jattakkaw lil Newsbook.com.mt u kontra membri tal-Knisja inkluż l-Arċisqof.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=kE7Ftph6t9o]

Iddeskriva dan bħala attakk mill-aktar serju minn dawk li jissejħu trolls kontra l-midja u kontra s-soċjetà ċivili, li l-Knisja tagħmel parti minnha.
Zammit Dimech fisser li trolls huma nies organizzati biex iqiegħdu kummenti fuq siti soċjali, biex jagħtu l-impressjoni li jgħodd biss dak li jgħidu huma, li f’Malta kollox sejjer tajjeb u li dawk li jiktbu kontra jkunu qed jagħmlu ħażin.
Saħaq iżda li jidher li dawn l-attakki mhux jirnexxu, għax Newsbook.com.mt irrapporta ż-żieda fin-nies li jsegwuh.  

Irrefera għal dak li qal l-Arċisqof Charles Scicluna dan l-aħħar, li dawn l-attakki ta’ intimidazzjoni jfakkruh fl-attakki li tagħmel il-mafja kontra l-għedewwa tagħha.
Zammit Dimech sostna li s-soċjetà ċivili qiegħda hemm biex issaħħaħ id-demokrazija u tħares id-drittijiet fundamentali, mhux biex tgħid jekk taqbilx mal-Gvern.
Għalih, dawn il-gruppi juru li ma jridux jagħmlu kritika jew jagħtu opinjoni differenti, u li hu dan li jimmina d-demokrazija.
L-Ewroparlamentari, li ngħata l-irwol ta’ rapporteur f’isem il-Partit Popolari Ewropew, fuq temi marbuta mal-midja, ilbieraħ filgħaxija intervjena fil-Parlament Ewropew dwar l-irwol tas-soċjetà ċivili.  
Ġimagħtejn oħra, ir-rapport tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ aktar protezzjoni lill-ġurnalisti, se jiġi diskuss u jittieħed vot dwaru fil-Parlament Ewropew.
Il-Plenarja kienet indirizzata wkoll mill-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola li saħqet li s-soċjetà ċivili kienet dejjem katalista għall-bidla fl-Unjoni Ewropea. Spjegat li l-irwol ta' ħafna organizzazzjonijiet f'Malta hu li jimbuttaw il-bżonn tal-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni, ir-responsabbiltà ambjentali u t-talba għall-ġustizzja.