Filmat: M’hemmx pjan ta’ sanzjonijiet kontra Malta – Timmermans

L-Ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea (KE) Frans Timmermans qal li għalissa m’hemmx bażi għal sanzjonijiet fil-konfront ta’ Malta dwar kwistjonijiet tar-rispett lejn il-liġijiet.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ bejn il-KE u l-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Timmermans ġie mistoqsi minn ġurnalist ta’ France 24 fuq it-tħassib li hemm dwar ir-rispett lejn il-liġijiet f’Malta wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurnalist qal li Timmermans  ma aċċettax li jkun intervistat dwar dan is-suġġett. Huwa fakkar kif Caruana Galizia kienet irċeviet theddid legali minħabba l-investigazzjonijiet tagħha dwar il-bejgħ tal-passaporti Maltin. Qal li dan sar bl-approvazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Timmermans qal li l-KE kienet involuta f’din il-kwistjoni mill-mument tal-assassinju. Huwa qal li jinsab fi djalogu mad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet tinvestiga s-sitwazzjoni fil-pajjiż.
Skont Timmermans, il-KE mhux qed tinjora s-sitwazzjoni f’Malta.  Żied jgħid li l-KE se tkompli tosserva s-sitwazzjoni u jekk issib li jkun hemm lok għal sanzjonijiet, qal li dawn jiġu imposti.
Il-ġurnalist fakkar kif kien hemm suspett li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rċieva flus mill-bejgħ tal-passaporti. Dwar dan, Timmermans qal li kull allegazzjoni li ssir tiġi investigata u li jekk isib li hemm bżonn azzjoni, din l-azzjoni tittieħed. Qal li jekk ikun hemm problemi fil-ġudikatura, il-KE tagħmel il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħha.
Timmermans imbagħad reġa’ rrefera wkoll għall-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li huwa importanti li dawk li taw l-istruzzjonijiet biex jitwettaq l-assassinju għandhom jinstabu u jitressqu l-qorti.
Huwa qal li jemmen li se jsibu tarf ta’ dan kollu.
Ritratt: Reuters