Filmat: M’hemmx kliem biex tgħid grazzi lin-nanniet tagħha

marijd

Il-kanzunetta “M’Hemmx Kliem” ta’ Marija Djinovic ħarġet f’Settembru ta’ din is-sena waqt il-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn il-kantanta ta’ 11-il sena spiċċat fit-tielet post fil-kategorija tagħha. Il-kanzunetta b’kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas u kliem ta’ Emil Calleja Bayliss hija l-ewwel kanzunetta oriġinali li nediet Marija.

“M’Hemmx Kliem” titkellem fuq suġġett verament għal qalb iċ-ċkejkna Marija. Marija tkellmet mal-awtur tal-kanzunetta fejn esprimiet ix-xewqa li l-ewwel kanzunetta tagħha tkun dedikazzjoni speċjali lin-nanniet tagħha li tant u tant tħobb. Mill-ewwel ġurnata li bdiet tkanta fil-kor ta’ Kaya, in-nanniet tagħha kienu ta’ sapport kbir għaliha.

Is-sapport tagħhom urewh mhux biss billi kienu hemm biex jissapportjawha meta kienet se tkanta f’xi festival jew avveniment, imma wkoll kemm-il darba wasluha minn post għall-ieħor. Kważi ta’ kull ġimgħa jwassluha jew għal-lezzjonijiet tal-kant jew inkella għal xi provi ta’ xi avveniment jew ieħor li tkun impenjata bih.

“M’Hemmx Kliem” hi dwar dan kollu għax għal Marija m’hemmx kliem biex tgħid grazzi lin-nanniet ta’ dak kollu li jagħmlu magħha ta’ kuljum. Fil-filmat mużikali maħdum minn Luke Borg, Jonathan Brincat u Gabriel Piscopo ta’ Far Out Visuals wieħed se jkollu ċ-ċans ukoll li jiltaqa’ man-nanniet ta’ Marija. B’kanzunetta idedikata għalihom kienet se tkun impossibbli li tagħmel filmat mużikali mingħajr ma tinkludihom. Huma jinsabu tassew kburin bin-neputija tagħhom. 

Marija Djinovic twieldet fl-24 ta’ Jannar tal-2009 u toqgħod Ħal Għaxaq. Hi tattendi l-iskola Immaculate Conception ġewwa Ħal Tarxien u tajjeb li tkunu tafu li hi ma tantx ilha li bdiet titgħallem il-kant. Hi bdiet titgħallem f’Ġunju tal-2018 u f’Ottubru tal-2019 bdiet titħarreġ taħt id-direzzjoni ta’ Miss Maria Abdilla u Miss Ylenia Vella.

Tul dawn l-aħħar sentejn, Marija kellha l-opportunità li tieħu sehem f’diversi konkorsi b’diversi suċċessi – kemm f’pajjiżna u anke barra minn xtutna.

Segwi l-vidjow mużikali: