Filmat: M’hemmx gwerra; hemm biss perspettivi differenti fil-PN – Claudio Grech

Read in English.

M’hemmx gwerra fil-PN imma hemm biss perspettivi differenti, skont l-MP Nazzjonalista Claudio Grech.

Grech qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju 103. L-intervista saret minn Fr Joe Borg dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista.

Grech spjega li għalkemm fil-pubbliku hemm stampa ta’ ġlied kontinwu, qal li fil-biċċa l-kbira tagħhom id-diskussjonijiet interni huma diskussjonijiet ċivili mibnija fuq ir-raġuni. Qal li m’hemmx kwistjonijiet li huma personali.

L-MP qal li l-kunflitti interni qatt m’huma sbieħ. Qal li m’hemmx gwerra enormi interna imma hemm biss perspettivi differenti. Kompla jgħid li wħud minn dawn il-perspettivi jistgħu jkunu b’saħħithom.

Fil-fehma ta’ Grech l-isfidi tal-PN ma bdewx minn sena jew sentejn ilu. Qal li l-PN ilu jnaqqas fl-ammont ta’ voti li qed jiġbor mill-2004. Spjega li l-PN ma kellux prestazzjoni tajba fl-aħħar elezzjonijiet.

Qal li wieħed ma jridx iħares biss lejn il-preżent ta’ partit imma anke minn fejn ikun ġej.

Skont Grech, wara li l-PN daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea bħal qisu l-missjoni tal-partit waqqfet hemm. Qal li l-PN ma jridx ifittex biss dak li jgħaqqad imma dak li jista’ joħloq konverġenza fl-isforzi ta’ kulħadd.

Fi kliem Claudio Grech, imbilli hemm xi diżgwid fil-PN ma jfissirx li l-partit m’għadux forza relevanti. Żied jgħid li jemmen li l-PN għandu opportunità li jiġġedded.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ qed jaffaċċja kriżi ta’ tmexxija. Robert Arrigo, Kristy Debono, u Clyde Puli kienu fost dawk li ħabbru li se jirreżenjaw.

Intat, Francis Zammit Dimech qal li huwa kuntent li jibqa’ joffri s-servizzi tiegħu fil-PN jekk l-irwol ta’ Segretarju Ġenerali jibqa’ kif inhu jew jinħoloq rwol simili.