Filmat: M’għandniex naqtgħu qalbna milli naffrontaw ir-realtà – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li l-mumenti diffiċli bħalma għaddejja Malta minnhom bħalissa għandna nużawhom biex nikkonfrontaw ruħna mar-realtà u ma naqtgħux qalbna. Huwa qal dan lill-Prim Ministru waqt l-iskambju tal-awgurju għall-Milied u l-ewwel tas-sena flimkien mal-Grupp Parlamentari Laburista. Dan sar fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta fejn kien hemm preżenti wkoll l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.

L-Arċisqof qal li l-politiċi għandhom jaħdmu mhux biss biex jassiguraw ħajja aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri iżda wkoll biex ikollhom kwalità morali u etika. Fisser li din hija sfida attwali u mhix faċli. Qal li għalkemm mhix faċli, il-verità trid tiġi affaċjata biex inħarsu ‘l quddiem.

Il-Prim Ministru min-naħa tiegħu rringrazzja lill-Arċisqof tal-kooperazzjoni li kellu tul is-snin li għamel bħala Prim Ministru. Huwa awgura li din il-kooperazzjoni bejn Knisja u Stat titkompla mis-suċċessur tiegħu.

L-Arċisqof qal li llum stess ġie ffirmat ftehim ieħor bejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-Caritas fejn priġunieri dipendenti mid-droga jsegwu korsijiet organizzati mill-Caritas. Huwa spjega li dan huwa kontribut konkret li l-Knisja qed tagħti lis-soċjetà.

Appella biex kull tentazzjoni ta’ mibiegħda u rabja jiġu megħluba. Qal li f’mumenti bħal dawn, il-bniedem jiġi affaċjat b’għażla bejn l-elementi tajbin tiegħu jew dawk ħżiena. Dan filwaqt li fisser li kull bniedem għandu din l-isfida biex jaġixxi bl-aħjar mod possibbli.

Quddiem il-Ministri u Membri Parlamentari Laburisti, l-Arċisqof appella wkoll biex fil-konkret huma jħaddnu l-prinċipji ta’ solidarjetà u umanità.

Aktar tard, l-Arċisqof iltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, ma’ membri tal-Ġudikatura u mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.