Filmat: “M’għandix kummenti x’ngħaddi dwar Keith Schembri”

Read in English.

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li m’għandux kummenti x’jgħaddi dwar l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk hux komdu b’Keith Schembri meħlus mill-arrest, huwa qal li mhux komdu jew skomdu bin-nies ġewwa jew barra.

Cardona qal li hu mhuwiex il-Pulizija iżda ministru bir-responsabilitajiet tiegħu.

Newsbook.com.mt kien żvela li s-Sibt 23 ta’ Novembru Chris Cardona kien interrogat mill-Pulizija. Tlett ijiem wara huwa ssospenda lilu nnifsu minn Ministru għall-Ekonomija u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari fil-Girgenti nhar il-Ħadd li għadda, Chris Cardona reġa’ ħa l-Ministeru f’idejh. Fil-jiem ta’ qabel, ittra li waslet f’idejn il-kabinett u li allegatament intbagħtet minn Keith Schembri lil Yorgen Fenech, kienet turi li Schembri qal lil Fenech biex iwaħħal l-assassinju fuq Chris Cardona.

Ma’ Newsbook.com.mt Cardona llum ddeskriva s-sitwazzjoni politika ta’ bħalissa f’Malta bħala kriżi li mhix istituzjonalizzata.

Qal li huwa żmien li “politikament hemm ħafna sensittività”. Però, Cardona jemmen li bħala Gvern u Partit Laburista fil-ġranet li ġejjin joħorġu minnha. Żied jgħid li hemm ħafna x’wieħed jitgħallem mill-esperjenza, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija.

Cardona qal li m’għandux opinjoni dwar jekk il-Pulizija hix qed taħdem tajjeb jew le. Qal li huma indipendenti u għandhom jaħdmu kif jaħsebu li huwa fl-aħjar interess ta’ Malta.

Filmat: Miguela Xuereb