Filmat: “M’għandix idea fejn hu d-dokument tal-Vitals; hemm ħafna xi tgħid” – Muscat

Read in English.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li m’għandux idea fejn jinsab id-dokument dwar il-ftehim biex jinxtraw tliet sptarijiet Maltin mill-kumpanija Vitals Global Healthcare, iżda stqarr li hemm ħafna x’jingħad dwar dan il-każ.

Muscat qal dan lil Newsbook.com.mt illum, hu u ħiereġ mis-seduta parlamentari waranofsinhar.

Dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li ordna li l-memorandum tat-trasferiment tal-isptarijiet lill-Vitals Global Healthcare irid ikun instab sal-lum.

Fl-10 ta’ Lulju, Abela qal li l-memorandum tal-ftehim għat-trasferiment tal-isptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata li kienet intgħażlet ma jistax jinstab. Meta l-ġimgħa li għaddiet, l-Awditur Ġenerali ppubblika r-rapport tiegħu fuq it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-privat, il-Prim Ministru qal li ġie infurmat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (NAO) li ħadd fil-Gvern ma seta’ jippprovdi dan id-dokument meta talbuh għall-investigazzjoni.

Sadattant, Joseph Muscat qal li filwaqt li jirrispetta l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali, jemmen li hemm kwistjonijiet li ma ġewx iċċarati biżżejjed, u fadal x’wieħed jgħid fuq dan il-każ. Temm jgħid li jixtieq li l-awtoritajiet jikkollaboraw.

F’rapport kritiku għall-aħħar dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lil Vitals Global Healthcare (VGH), l-Awditur Ġenerali indika li l-proċess kien dubjuż, li l-Vitals kellhom jiġu skwalifikati u li kien hemm kollużjoni fil-ftehim. L-Awditur qal ukoll li attwalment ħadd ma assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni.

Il-Ministru għas-Saħħa kurrenti, Chris Fearne, qal li hu ma kellux x’jaqsam ma’ dan il-ftehim meta hu kien Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru. Il-Ministru għas-Saħħa ta’ dak iż-żmien, Konrad Mizzi, qal il-ġimgħa li għaddiet illi l-Kabinett kien infurmat dwar il-ftehim.

“Id-dokument qed jiswiena kwart ta’ miljun kuljum” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, mistoqsi fuq l-istess suġġett, qal li għall-bidu l-Prim Ministru Robert Abela qal li qabbad grupp ta’ esperti biex jaraw il-kuntratt. Sadattant, laħqu għaddew sitt xhur, u issa qed ifittex il-memorandum tal-ftehim.

Delia saħaq li r-rapport li sar mill-Awditur Ġenerali ma setax ikun aktar ta’ kundanna milli hu. Temm jgħid li minħabba din il-kwistjoni, qed jitlef il-pajjiż kollu, peress li dan id-dokument qed jiswa lill-poplu Malti kwart ta’ miljun kuljum.

Filmati: Monique Agius