Filmat: “M’għandix aktar ħin x’naħli fuqu” – Delia dwar Jason Azzopardi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li m’għandux aktar ħin x’jaħli fuq il-Membru Parlamentari tal-PN Jason Azzopardi. Dan wara l-kummenti ta’ Azzopardi fuq Facebook fejn ikkirtika lil dawk li ma refgħux ir-responsabbilità għall-aħħar telfa elettorali tal-PN.

Delia qal dan mal-ġurnalisti quddiem id-Dar Ċentrali. Dwar l-għażla ta’ Jean Pierre Debono biex ikun dak li jieħu s-siġġu ta’ David Stellini fil-Parlament Delia qal li ġie segwit proċess demokratiku li wara preżentazzjoni ta’ żewġ kandidati ttieħdet id-deċiżjoni favur Debono.

Dwar din l-għażla li kienet bejn Debono u Kevin Cutajar minn Għawdex, Delia qal li kien hemm argumenti b’saħħithom għat-tnejn li huma – waħda dwar ir-rappreżentanza ta’ Għawdex u l-oħra dwar dik tas-seba’ distrett. Qal li imbilli kien hemm min ivvota għal wieħed u mhux għall-ieħor ma jfissirx li hemm fazzjonijiet “l-hawn jew l’hemm.”

Illum waranofinhar il-Membru Parlamentari tal-PN Jason Azzopardi kkritika lil dawk li kellhom sehem fit-tfassil tal-istrateġija politika li ma refgħux ir-responsabbilità u rreżenjaw.
Delia qal li se jkun qed “jinjora” lil Azzopardi u qal li dak li qed jagħmel mhux qed jagħmel ġid lill-Partit Nazzjonalista. Żied jgħid li Azzopardi għandu “jerfa’ r-responsabbilità” għal dak li għamel. Madanakollu qal li mhux se jkun qed jitolbu jirreżenja.

Mela min ma kellux sehem fit-tfassil tal-istrategija politika, xorta jerfa’ r-responsabbilita u jirrizenja. U min fassalha u wettaqha, jigi jaqa’ u jqum. Dak establishment!

Posted by Jason Azzopardi on Saturday, June 1, 2019

“M’għandix aktar ħin x’naħli fuqu,” qal Delia.

Delia qal li mhux se jkun qed jitlob li jsir vot ta’ fiduċja fih wara t-telfa elettorali tal-PN fl-elezzjonijiet tal-MEPs u tal-Kunsilli Lokali. Qal li din ma kinetx elezzjoni dwaru u li hemm strutturi fil-PN li jekk iriduh jitlaq jistgħu jdaħħlu fis-seħħ ċertu proċessi.

Dwar ir-riżenja ta’ Mark Anthony Sammut Delia qal li japprezza x-xogħol li għamel. Qal li talab personalment biex jittieħed vot ta’ fiduċja fih, liema vot Sammut rebaħ.

Dwar jekk Debono hux se jirreżenja mill-kariga li jokkupa bħalissa fil-PN, Delia qal li dak wieħed irid jarah ma’ Debono. Ix-xewqa ta’ Delia hija li jirreżenja jekk Debono se jkun qed jokkupa siġġu fil-parlament.

Milton, Paradise Lost, Book ii, Line 112: “With ruin upon ruin, rout on rout,Confusion worse confounded.”

Posted by Jason Azzopardi on Saturday, June 1, 2019