Read in English.
Żewġ ekonomisti jevalwaw l-impatt tal-prezzijiet straordinarjament baxxi tad-deheb iswed, magħruf ukoll bħala ż-żejt.
Hekk kif il-prezz taż-żejt ħa daqqa ‘l isfel li qatt, storikament ma seħħ bħala, il-ġejjieni ekonomiku, kemm ta’ Malta kif ukoll dak dinji jinsab imwiegħer. Żewġ ekonomisti, Dr Philip von Brockdorff u JP Fabri qasmu l-analiżi tagħhom tas-sitwazzjoni dinjija hekk kif l-ewwel daqqa ħaduha l-ekonomiji msejsa fuq it-turiżmu u t-tieni daqqa dawk li rabtu qofthom mal-bramel taż-żejt li jipproduċu. “Dan huwa l-effett devastanti tal-coronavirus,” qal Dr Von Brockdorff. “Id-dinja qisha għafset il-buttuna tal-PAUSE,” żied JP Fabri.
Sħab iswed fuq ix-xefaq ekonomiku
Il-kap tad-dipartiment tal-ekonomija fl-Università ta’ Malta Dr Philip Von Brockdorf qal li minħabba l-imxija tal-coronavirus, id-domanda għaż-żejt naqset sew. Anqas vjaġġi, anqas traffiku, anqas produzzjoni, wasslu biex min kien qed jipproduċi ż-żejt b’mod regolari u jistrieħ ekonomikament fuq din ir-riżorsa, sab ruħu wiċċu mal-ħajt. Pajjiżi bħall-Ekwador, in-Niġerja u l-Veneżwela mistennija ibatu ħafna b’kosegwenza ta’ dan.
Il-fqir l-ewwel ma jbati
Newsbook.com.mt staqsa jekk, allura, dan ikunx ifisser mewġiet ta’ immigrazzjoni.
Dr von Brockdorff qal li din aktarx tkun il-konsegwenza. Huwa spjega li meta l-ekonomiji jiġġarrfu jew jgħaddu minn żmien iebes, l-ewwel ma jbatu huma l-fqar. Żied li kien għalhekk li l-Bank Dinji, dan l-aħħar taffa l-piż tad-djun ta’ dawn il-pajjiżi li aktarx jintlaqtu l-aktar b’din l-imxija.
Iżda, staqsa Newsbook.com.mt, il-Fond Monetarju Internazzjonali kien ottimist dwar kemm l-ekonomiji se jirpiljaw malajr. Għala l-ekonomisti qed ikunu daqshekk pessimisti?
Kollox jiddependi kemm din l-imxija se tgħaddi malajr, wieġeb Dr von Brockdorff. Huwa qal li t-tbassir tal-FMI kien imsejjes fuq xenarju fejn kollox jerġa’ lura għan-normal f’Ġunju. Huwa wera l-fehma li dan ix-xenarju huwa bil-wisq ottimist u li t-triq tal-fejqan ekonomiku se tkun twila u iebsa.
Id-dinja tagħfas ‘PAUSE’
L-ekonomista u sieħeb ewlieni fil-kumpanija ta’ konsulenza SEED, JP Fabri kien tal-istess fehma ta’ Dr von Brockdorff. Anke hu kien xettiku dwar l-ottimiżmu tal-FMI. Minn naħa l-oħra, huwa rrefera ukoll għal studju li sar mil-kumpanija tiegħu fejn imprendituri Maltin minn firxa wiesgħa ta’ setturi wrew li kienu ottimisti għall ġejjieni. Huwa were l-fehma li kollox jiddependi kemm Malta kapaċi ssib saqajha malajr wara li tgħaddi l-kriżi. Huwa qal li fattur ieħor li huwa importanti huwa jekk il-virus jerġax jgħolli rasu. Dan ikun element importanti partikolarment għax, skont Fabri, il-fejqan ekonomiku aktarx itul tul l-2021 kollha.
Il-konsumatur għandu jgawdi minn żejt orħos
JP Fabri qal li s-sitwazzjoni hija waħda unika u dan għandu jkun żmien tajjeb biex l-awtoritajiet jaraw kif jistgħu jsarrfu l-prezz orħos taż-żejt f’benefiċċji għall-konsumaturi, kemm dawk fid-djar kif ukoll imprendituri. Huwa żied li bħalissa l-ekonomiji dinjin qishom għafsu il-‘PAUSE’ hekk kif id-domanda għall-prodotti u servizzi nixfet f’salt u l-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt ma fadlilhom imkien fejn jaħżnu ż-żejt. Żied li hekk kif tgħaddi l-kriżi, ir-rota terġa’ tibda ddur, imma dan iseħħ bil-mod.
Sitwazzjoni surreali
“Din hija sitwazzjoni surreali. Qed naraw l-istorja tinkiteb quddiem għajnejna fejn jidħlu s-swieq taż-żejt,” qal JP Fabri. Huwa żamm lura milli jiddeskrivi t-tbassir tal-FMI bħala ambizzjuż għax, qal, pajjiżi differenti se jirkupraw b’rati differenti. Wera l-fehma li aktarx li fil-qasam turistiku, xi pajjiżi jippromwovu li jkun hemm turiżmu intern bħalma diġà qed ikun suġġerit fl-Italja.
Xogħolna fil-preżent, ikkonkluda Fabri huwa li nosservaw dak li qed iseħħ internazzjonalment, ninvestu fil-ħaddiema u nkunu lesti li kif tgħaddi l-kriżi noħorġu b’rankatura.