Filmat: “Meta wasalt Malta kont insibha diffiċli biex nikkomunika” – Mohammed

Read in English.

Wieħed mill-istudenti li temmew il-kors li jiżviluppa l-kompetenzi kulturali għal persuni li ġejjin minn pajjiżi tat-tielet dinja sostna li għall-bidu li wasal Malta kien isibha diffiċli biex jikkomunika.

Mohammed li ġej mis-Sudan qal ma’ Newsbook.com.mt li llum il-ġurnata qed isibha iktar faċli biex jikkomunika grazzi għal dan il-kors fejn semma bħala eżempju meta jmur jordna l-ikel.

Il-kors partikolari, flimkien ma’ kors dwar il-lingwa Ingliża huma organizzati minn Cross Cultural International Foundation (CCIF). Newsbook.com.mt kien preżenti għaċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati fejn tkellem kemm ma’ għalliema kif ukoll mal-istudenti li ġejjin mit-Tuneżija, l-Kolombja, s-Sudan, l-Alġerija u l-Libja.

Hanan mill-Alġerija qalet ma’ Newsbook.com.mt li sabet il-lezzjonijiet dwar il-kultura utli. Meta mistoqsija dwar kif ħassitha li nbidlet bħala persuna minn meta waslet Malta, hi spjegat li wieħed jidra s-sitwazzjoni eventwalment. Qalet li għaliha l-iktar parti diffiċli kienet li titlaq il-familja tagħha. Intant ħeġġet lil dawk kollha li ma jafux jikkomunikaw bl-Ingliż sabiex jieħdu dawn il-lezzjonijiet.

Amal mil-Libja tkellem dwar l-importanza li wieħed dejjem jibqa’ jitgħallem, intant Najla mit-Tuneżija qalet li hi ġiet motivata ħafna mill-fatt li l-klassijiet kienu magħmula minn persuni li ġejjin minn pajjiżi u kulturi differenti.

“Bħala għalliem dejjem interessanti titkellem ma’ persuni ġodda li jaslu Malta”

L-għalliem Tendy Bvumburah li għallem l-Ingliż lil dawn l-istudenti ddeskriva  l-esperjenza bħala waħda sabiħa ħafna u żied jgħid li hija xi ħaġa pożittiva meta wieħed jibda juża l-ħiliet tiegħu biex jikkomunika ma’ tant persuni differenti.

Hu qal li kien hemm xi sfidi li qalu li s-sitwazzjonijiet tal-immigranti jvarjaw minn każ għall-ieħor. Qal li filwaqt li kien hemm studenti li setgħu jikkommettu għall-klassijiet u jagħmlu l-homework, oħrajn ma setgħux jagħmlu dan.

Bvumburah qal li l-lezzjonijiet kienu prattiċi ħafna li wasslu għal bosta sabiex jitkellmu dwar il-kultura u d-differenzi bejn kulturi varji.