Filmat: Meta ssiefer s’hawn tista’ żżur it-’tieni parlament’ ta’ Malta

Fl-2015 ġie inawgurat il-bini tal-Parlament il-ġdid ta’ Malta qrib id-daħla tal-Belt. Meta ssiefer sa Brussell tista’ żżur il-bini tal-Parlament Ewropew, il-post fejn Malta tingħata vuċi permezz tal-Membri tal-Parlament Ewropew tagħha.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Kurt Buttigieg, Malti li jaħdem bħala curator fil-Parlamentarium – iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Parlament Ewropew.

Buttigieg qal li l-Parlamentarium inħoloq biex dawk in-nies li jżuru l-kamra ta’ fejn isiru d-dibattiti (hemicycle) jkollhom aktar informazzjoni dwar il-Parlament Ewropew.

X’inhi l-parti favorita tiegħek tal-Parlamentarium?

Buttigieg spjega li jaħdem ħafna fuq wirjiet temporanji li minn ħin għall-ieħor jittellgħu fil-Parlamentarium. Qal li riċentament kellhom wirja dwar il-propoganda Nazista. Żied jgħid li huwa importanti li l-poplu jibqa’ jiftakar xi jkun ġara fl-istorja.

Kif spiċċajt taħdem fi Brussell?

Buttigieg qal ma’ Newsbook.com.mt li spiċċa jaħdem Brussell għax ried jipprova xi ħaġa differenti. Spjega li għadu interessat li jibqa’ jaħdem fil-Parlament Ewropew għax jemmen fil-proġett.

Skont is-sit tal-Parlamentarium, aktar minn 2 miljun persuna diġà żaru l-Parlamentarium. Hu jiftaħ kuljum u d-dħul huwa b’xejn.