Filmat: “Meta sirt Kummissarju sibt irdum, se nħalli telgħa”

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal li se jkun qed iħalli Korp aħjar milli sab.
Fl-aħħar messaġġ tiegħu bħala Kummissarju, Cassar spjega kif meta ħa t-tmun tal-Korp f’idejh, “konna telgħin mal-irdum, illum telgħin telgħa.”
Saħaq li fl-aħħar sena, il-Korp għamel progress kbir, u għal kuntrarju tal-ħafna ittri li kien jirċievi b’ilmenti kontra l-pulizija, illum jirċievi ħafna ittri ta’ tifħir.
Michael Cassar semma kif l-affarijiet pożittivi fil-Korp, intfew b’ħafna affarijiet oħra.
Irrefera għall-kriżi kbira li sab sena ilu b’rabta mal-karozzi tal-Korp. Żied jgħid li fi ftit żmien se joħorġu l-karozzi l-ġodda u li se tinbidel totalment l-iskwadra li għandhom l-RIU. Qal ukoll li l-karozzi tajbin tal-RIU se jmorru fid-distretti.
Cassar elenka waħda waħda, is-sezzjonijiet differenti fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u faħħar il-ħidma tagħhom flimkien ma’ tad-distretti.
Irringrazzja lil dawk l-uffiċjali li jagħmlu x-xogħol fis-skiet u appella lill-membri kollha tal-Korp biex ikomplu jagħtu servizz lill-komunità u juru liċ-ċittadini li qegħdin hemm għall-protezzjoni tagħhom.
Appellalhom ukoll biex jaħdmu biex jagħmlu l-Korp ferm aħjar milli ħallieh hu, u biex jaħdmu flimkien u mhux kontra xulxin.