Filmat: “Meta saru jafu li konna qed nitgħallmu l-bizzilla, ma tantx niżżluha” – Nathaniel Gauci

Elenio Aquilina, Leon Bartolo, Miguel McCarthy u Nathaniel Gauci minn St Albert the Great College fil-Belt Valletta huma erba’ minn għaxar studenti f’din l-iskola tas-subien li qed jaħdmu il-bizzilla bħala parti mill-attivitajiet extra-kurikulari bl-isem ta’ Education Unplugged, taħt il-gwida ta’ waħda mill-għalliema tagħhom Annemaria Gatt, li għandha n-namra tal-bizzilla.

F’din l-intervista ma’ Newsbook.com.mt, Nathaniel jispjega li ħafna minnhom iddeċidew li jitgħallmu l-bizzilla għax kienu kurjużi biex isiru jafu kif kienet ssir dan it-tip ta’ arti tradizzjonali.

Huwa jgħid li meta n-nies saru jafu li s-subien kienu qed jaħdmu l-bizzilla, kien hemm reazzjoni mħallta: “Kien hemm min ħadha b’moħħ miftuħ… kien hemm anke edukaturi li li ġew jaħdmu magħna għal ftit lezzjonijiet; imma mbagħad kien hemm ukoll min ma tantx ried iniżillha… naħseb għax kien hemm min ma kienx jaf x’kien qed isir.”

Nathaniel iżid li hemm min jaħseb li l-bizzilla hija artiġjanat tan-nisa anzjani, u meta jara “l-oppost” ta’ dan, jiġifieri rġiel għandhom zgħar jaħdmu il-bizzilla, jaraha bħala xi ħaġa stramba.

Hu jispjega li, waqt li qed jaħdmu il-bizzilla, l-istudenti juzaw ħiliet u suġġetti skolastiċi bħall-Matematika minħabba l-ġeometrija li tinsab f’ċerti disinji.

“Il-bizzilla hija xi ħaġa li, waqt li nkunu qed nagħmluha, tikkalmana,” jgħid Nathaniel, “Tippreparana għal ġurnata skola biex ma nkunux f’dik il-burdata ħażina ta’ filgħodu, speċjalment għal dawk li jqumu kmieni bħali!”

Filmat: Malcolm Agius

Muntagg: Coryse Borg