Filmat: “Meta naraw li hemm melodija partikolari nibdew naħdmu fuqha” – Cel&sacco

Read in English.

Cel&sacco – magħmul minn Celine Agius ta’ X Factor Malta u l-kitarrist Glenn Sacco – ilhom jaħdmu fuq il-materjal oriġinali ġdid tagħhom  sa mill-bidu ta’ Covid-19. Proprju llum ħarġu l-kanzunetta Coffee and Nicotine.

“Kultant noqogħdu bilqegħda … Jiena noħroġ b’ideat bħal melodiji fuq il-pjanu u l-kitarra .. Celine tibda timprovizza, u meta naraw li hemm melodija partikolari li tassew toqgħod f’widnejna, nibdew naħdmu fuqha,” qal Sacco lin-Newsbook.com.mt.

“L-idea tal-ewwel kanzunetta tagħna Coffee & Nicotine ħarġet meta kont id-dar u bdejt nagħmel id-melodiji tiegħi stess. Għedt lil Cel din tista’ tkun kanzunetta tajba, li mbagħad bdejna naħdmu fuqha.“ 

Sacco qal li Cel kitbet il-lirika u mbagħad bdew joħorġu b’aktar ideat. 

“Għedtilha li se nsejjaħ lil Luke Grech, ħabib tajjeb tiegħi, sabiex ikun jista’ jaħdem bħala l-produttur tagħna. U issa hawn qegħdin noħorġu l-ewwel single tagħna bil-vidjow liriku li sar minn wieħed mill-aqwa ħbieb tiegħi Keith Zammit Cordina.

“Ħaġa oħra li rrid ngħid hija li ridna nieħdu din il-kanzunetta għal livell ieħor u aħna għamilna l-mastering l-kanzunetta fl-istudjows ta’ Abbey Road f’Londra mill-leġġendarju Geoff Pesche,” qal. Kompla jgħid li “Aħna qed nippjanaw u naħdmu bis-sħiħ biex inniedu l-album tagħna stess li diġà bdejna naħdmu fuqu.”