Filmat: John Sultana mal-ewwel Maltin fiż-Zecchino d’Oro

Għalkemm din is-sena ma hemmx Maltin fiż-Zecchino d’Oro bosta huma dawk li jħobbu jsegwuh. It-tielet programm se jixxandar illum il-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru fuq Rai Uno fl-4.30pm waqt li l-finali se ssir għada s-Sibt fid-9.30pm, dejjem fuq l-istess stazzjon.

L-ewwel darba li Malta ħadet sehem fil-festival taż-Zecchino D’Oro kien fl-1962. Din kienet ir-raba’ edizzjoni ta’ dan il-festival u għal din l-edizzjoni ħadu sehem żewġ Maltin, Raymond Debono, li rebaħ dik l-edizzjoni bil-kanzunetta La Giacca Rotta, u John Sultana li kien ħa sehem bil-kanzunetta Luna Park.

Sultana kien ingħata ċ-ċans li jmur jipparteċipa fiż-Zecchino d’Oro f’Bologna wara li kien rebaħ festival f’Malta li kien sar fir-Radio City fil-Ħamrun.

Sfortunatament għal John, il-kanzunetta ma waslitx sal-finali minkejja li kienet waħda mill-favoriti li tirbaħ. Il-festival dik is-sena kien rebħu Malti ieħor, Raymond Debono, bil-kanzunetta La Giacca Rotta.

John Sultana ma’ Cino Tortella waqt iż-Zecchino d’Oro

Il-kanzunetta li biha ħa sehem Sultana kienet miktuba minn Augusto Quieto u Aldo Rossi.

Apparti Sultana u Debono, fl-edizzjoni ta’ dik is-sena tal-festival kien hem mil-kanzunetta Il Cavallino del Far West interpretata minn Paolo Olmi b’kliem u mużika ta’ John B. Cassar kienet spiċċat fit-tielet post.

Lura Malta, Sultana beda jagħti s-sehem tiegħu fuq ir-Redifussion u meta beda x-xandir fuq it-televiżjoni anki ppreżenta programme bħa; AZETA u Minn Fomm it-Tfal.

Id-drama wkoll kienet tinteressah u ħa sehem fi produzzjonijiet ta’ Mons Salv Lespina u drammi fuq ir-Redifussion.

John Sultana

Fis-snin ta’ wara hu beda juża d-drama u l-kant fil-lezzjonijiet li kien jagħti peress li għal bosta snin John kien jaħdem bħala għalliem fis-settur edukattiv.

Kurżità interessanti hi li l-aħaħr darba li huwa kanta Luna Park kien il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2016 fis-sala tal-iskola tal-Imġarr għall-festa ta’ San Nikola quddiem it-tfal tal-kulleġġ.