Filmat: “Meta ċemplu biex jgħiduli li pożittiv ħsibtha xi ċajta”

“Meta ċemplu biex jgħiduli li pożittiv ħsibtha xi ċajta.” Dan kien il-kliem li qal it-Terapista tal-Familja Karl Wright f’intervista ma’ Newsbook.com.mt. Fl-aħħar sigħat hu ddeċieda li joħroġ il-fatt li nstab pożittiv għall-coronavirus fil-pubbliku. Minn dak il-mument s’issa, l-appoġġ li rċieva sostna li m’għandux kliem biex jiddeskrivih.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Wright irrakkonta kif hu resaq għat-test minħabba li jaħdem bħala psikoterapista fil-fergħa ta’ Għawdex tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Benessri Soċjali (FSWS). Dan hekk kif huma kien għadhom qed jintalbu jmorru għax-xogħol fiżikament. Qal li l-iswab test sarlu l-Ħamis 30 ta’ April, u dakinhar stess, fil-11.30pm, irċieva “l-famuża telefonata”. Hu ma kien qed iħoss l-ebda sintomi.

Sostna li wara li rrealizza li ma kinitx ċajta, ħass xokk imma fl-istess ħin irrealizza li s-sitwazzjoni hi dik li hi. Qal li l-akbar inkwiet tiegħu dak il-ħin, iktar milli s-saħħa tiegħu, kienet is-saħħa tal-qraba tiegħu, speċjalment dawk vulnerabbli. Qal li t-tabib li għamillu t-telefonata spjegalu b’mod sempliċi u li jinftihem x’kienu se jkunu l-passi li jmiss u assigurah li l-qraba tiegħu kienu se jgħaddu minn swab tests ukoll. Qal li aktar tard irriżultaw kollha fin-negattiv.

Spjega kif meta tkellem mas-superjuri tiegħu huma fehemu dak li hu kien għaddej minnu. Qal li f’email li ntbagħtlu min-naħa tal-HR tal-FSWS hu ntalab ipoġġi saħħtu l-ewwel u ma jinkwetax fuq ix-xogħol. Wright qal li hu ma setax jibqa’ jgħix id-dar wara li nstab pożittiv u b’hekk ingħata residenza oħra fejn joqgħod. Qal li kollox kien lest u ppjanat biex it-trasferiment tiegħu fir-residenza l-ġdida għal dan il-perjodu jsir b’suċċess u f’qasir żmien.

“Trid tirrassenja ruħek li għandek xahar waħdek”

Wright irrimarka li wara li xi ħadd jinstab pożittiv irid jirrassenja ruħu li għandu xahar li jrid iqattgħu waħdu. Qal li l-iktar ħaġa diffiċli li qed jesperjenza hu, hija li spiċċa maqtugħ mill-familja fiżikament. Qal iżda li għal dan pattew bil-kbir il-messaġġi, telefonati u emails ta’ kuraġġ li ma waqfux mill-mument li ddeċiedi li jitkellem pubblikament dwar il-ġlieda tiegħu kontra l-coronavirus.

Insista li huwa importanti ħafna li ħadd ma jibża’ jitkellem fuq dawn l-affarijiet. Qal li hawn mhux qed jgħid li kull persuna pożittiva għandha toħroġ pubblikament bħalu, imma hemm modi kif kulħadd jista’ jitkellem. Qal li hu ddeċieda li joħroġ pubblikament biex iwassal il-messaġġ tiegħu u jeduka. Qal li l-messaġġ huwa wieħed: li iktar ma persuna żżomm u tostor ġo fiha, iktar hemm ċans li timtela’ bil-biża’ u tippermetti li tissaħħaħ l-istigma. Qal li biex wieħed jiġġieled lill-biża’ u l-istigma jrid jitkellem fuq dak li għaddej minnu ma’ dawk li lesti li jisimgħuh u jagħtuh l-għajnuna.

Jekk inti wkoll pożittiv, dawn il-pariri għalik…

Mitlub jagħti l-parir tiegħu lil dawk li huma pożittivi għall-coronavirus, Wright appella biex kulħadd jipprova jgħix ir-rutina normali tiegħu. Qal li jifhem li hemm min qed iħoss is-sintomi u jkun muġugħ, iżda għandu dejjem jibqa’ jiftakar li dan il-mument diffiċli mhux dejjiemi se jgħaddi. Hu fakkar fl-importanza li dawn il-persuni jaraw li jieklu ikel bnin għal saħħithom, li jagħmlu eżerċizzju u jżommu r-rutina li kellhom qabel fid-dar. Qal li jekk hemm xi affarijiet li dejjem xtaqu jagħmlu qabel iżda qatt ma sabu ċ-ċans, mela jieħdu dan iż-żmien bħala ċ-ċans tagħhom. “Ma nħallux il-biża’ titfilna l-motivazzjoni. Ejja nagħmlu kuraġġ u ma naqtgħux qalbna,” tenna Wright.

Il-familji kif qed jaffaċċjaw dan iż-żmien diffiċli?

Mil-lat ta’ psikoterapista tal-familja, Wright sostna li l-problemi li ġab miegħu l-coronavirus fil-familji huma varji, iżda hemm ukoll il-pożittiv. Qal li mhux kull familja qed taffaċċja s-sitwazzjoni bl-istess mod.

Wright irrimarka li hemm familji fejn ir-relazzjoni ta’ bejniethom tjiebet. Qal li fejn qabel kien ikollhom ħin limitat biex il-ġenituri jiltaqgħu flimkien u ma’ wliedhom, issa sabu aktar ċans biex iqattgħu ħin flimkien hekk kif qed ikunu fid-djar minflok kulħadd għaddej għal rasu.

Qal iżda li mbagħad hemm ir-realtà l-oħra fejn għandek familji li tant kienu mdorrijin kulħadd jgħix għal rasu li kif sabu ruħhom ma’ xulxin, il-problemi bdew jiżdiedu. Qal li dan għax jibdew iħossuhom magħluqin kollha fl-istess gaġġa. Wright semma kif dan il-perjodu ġab riskju akbar ta’ parental alienation f’każ fejn għandek ġenituri separati, ġab ukoll żieda fil-vjolenza domestika u fl-abbuż.

Filmat: Miguela Xuereb

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn