Filmat: Meryl Streep issemmi lil Daphne ma’ dawk li ħallsu l-ogħla prezz

L-attriċi Amerikana Meryl Streep sellmet lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, fost ġurnalisti minn madwar id-dinja li fi kliemha ħallsu l-ogħla prezz minħabba l-mistoqsijiet li staqsew.
Streep kienet qed tindirizza ċ-ċerimonja annwali f’Novembru li għadda, li matulha jingħataw unuri mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti.
Waqt l-istess diskors, l-attriċi rreferiet għall-film The Post li ħadmet fih u li jitratta storja ta’ ġurnalisti minn The Washington Post u The New York Times, li ppubblikaw il-Pentagon Papers, dwar l-involviment tal-Gvern Amerikan waqt il-Gwerra tal-Vjetnam.
Il-film huwa bbażat fl-aħħar tas-snin 60 u l-bidu tas-sebgħinijiet, fejn ftit li xejn kien hemm ġurnalisti nisa.
L-istess film u anke s-suġġett ta’ Caruana Galizia, reġa’ ssemma llum minn Streep, meta kienet qed tiġi intervistata minn Christiane Amanpour tas-CNN. Magħha kien hemm Tom Hanks, l-attur l-ieħor fil-film The Post.
Eżattament sena mil-lum, fil-blogg tagħha, Daphne Caruana Galizia tellgħet silta mid-diskors ta’ Streep waqt l-74 edizzjoni tal-Golden Globe Awards. Dakinhar Streep saħqet dwar il-ħidma biex tiġi ssalvagwardjata l-verità.