Filmat: Merħba quddiem l-isptar għal Simon Schembri

Ħareġ mill-Isptar Mater Dei l-kuntistabbli Simon Schembri, li x-xahar li għadda ttajjar u ġie mkaxkar għal numru kbir ta’ metri.
F’filmat li qed idur fuq il-midja soċjali, Schembri jidher ħiereġ mill-isptar illum waranofsinhar.
Huwa ntlaqa’ minn għadd ta’ pulizija li kienu qed jistennewh barra u ħadulu b’idejh qabel ma mar fil-karozza li kienet qed tistennieh.
Schembri deher miexi bil-mod b’irkoppa nfaxxata u bid-driegħ tal-lemin merfugħ.
Il-kuntistabbli kien spiċċa vitma ta’ żagħżugħ ta’ 17-il sena li kien qed isuq karozza bi pjanċi misruqa u bla liċenzja. Schembri kien prova jwaqqfu minħabba li dan ma kienx libes iċ-ċinga tas-sigurtà, biż-żagħżugħ itajru u jkaxkru mal-400 metru.
Għaxart ijiem ilu, Schembri ħareġ mit-taqsima tal-kura intensiva.
Qarib ta’ Schembri kien irringrazzja lill-Prim Ministru talli l-Gvern se jkun qed iħallas għall-kura kollha tiegħu.
Schembri kien f’kundizzjonijiet kritiċi u kważi tilef id kawża ta’ dan l-inċident. Dan minħabba li kellhom jaqtgħuha minn taħt il-minkeb.
L-inċident kien seħħ fit-7.45am f’Ħal Luqa.
Iż-żagħżugħ tressaq il-qorti b’akkuża ta’ attentat ta’ qtil u se jkun qed jgħaddi ġuri.
Ritratt ta' Luke Andrea Camilleri
Filmat mill-paġna ta' Deo Debattista