Filmat: Merħba lil Dun Ġorġ mill-familja tiegħu f’Għawdex

L-istatwa tal-bronż ta’ San Ġorġ Preca, li f’dawn il-jiem qed tkompli bil-vjaġġ tagħha madwar l-irħula Għawdxin, qabel issib postha għal dejjem ġo niċċa fil-Belt Victoria fis-6 ta’ Mejju, ilbieraħ filgħaxija ngħatat merħba sabiħa mit-tfal li jattendu fl-oqsma tal-Museum tas-subien ta’ Għawdex.
Ritratt meħud mill-ajru tat-tfal miġbura fil-grawnd tal-Qasam tas-Subien fl-Għarb, fejn inżammet l-attività tal-bieraħ, jurihom jiffurmaw in-numru 75. Dan għax illum il-Fergħa Maskili tas-Soċjetà mwaqqfa minn Dun Ġorġ qed tfakkar il-75 anniversarju ta’ preżenza tagħha f’Għawdex. Dan seħħ bil-ftuħ tal-ewwel Qasam fi triq dejqa fiċ-ċentru storiku tar-Rabat, nhar it-23 ta’ April 1941, li forsi mhux b’kumbinazzjoni jaħbat ukoll Jum San Ġorġ, il-qaddis martri li għalih kien imsemmi l-Fundatur tal-Museum.
Wara ġranet fil-pjazza tal-Għarb għall-ammirazzjoni tal-pubbliku, ix-xbieha ta’ Dun Ġorġ sabet ruħha mdawra mit-tfal f’ċelebrazzjoni ħelwa li fiha mhux biss ingħata tagħrif dwar l-istatwa l-ġdida, imma wkoll dwar l-istorja tal-Museum f’Għawdex, li propjament bdiet ftit iktar minn 100 sena ilu bil-ftuħ tal-ewwel Qasam tal-Bniet fin-Nadur, fuq xewqa tal-qaddis innifsu.
F’mument sabiħ ta’ talb, sar dak li Dun Ġorġ kien iħobb isejjaħlu l-Eżerċizzju Memorjali. Imbagħad l-attività għalqet bil-messaġġ li l-Papa Benedittu XVI kien ta bil-Malti dakinhar tal-Kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca f’Ruma fl-2007, u t-tqassim ta’ wrist bands bil-Verbum Dei u santi tal-qaddis Malti.
Fl-aħħar ġimgħat, saret ċelebrazzjoni simili madwar dan il-monument ġdid ta’ Dun Ġorġ mill-membri femminili tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija f’Għawdex.
Ritratti u Filmati: John Attard u John Sultana