Filmat: L-immigrazzjoni u s-saħħa fost temi diskussi mal-MEPs Casa u Dalli

Read in English.

L-immigrazzjoni, is-saħħa u l-ivjaġġar kienu fost it-temi diskussi mal-MEPs David Casa u Miriam Dalli f’konferenza tal-aħbarijiet organizzata.

Id-diskussjoni saret fl-isfond tal-pandemija tal-coronavirus, bil-Membru Parlamentari Ewropew David Casa jgħid li “konna sorpriżi kif nistgħu ntellgħu daqshekk xogħol”. Huwa qal ukoll li kollox jista’ jsir mid-dar u għalhekk il-Parlament Ewropew introduċa għadd ta’ miżuri biex l-MEPs jistgħu ikunu fil-bini flimkien mal-assistenti tagħhom mill-uffiċini.

Spjega d-diversi miżuri li ħa l-Parlament biex jgħin lill-komunitajiet fosthom li fit-tliet ibliet fejn hemm is-sede tal-Parlament, fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu, qed jintużaw is-servizzi tal-karozza għall-infermiera u t-tobba minn u lejn id-djar u l-isptarijiet.

Stqarr li l-Parlament kellu jipposponi l-gruppi tal-viżitaturi u l-esebizzjonijiet u semma wkoll it-tisħiħ tal-faċilitajiet online li saru minħabba l-firxa tal-coronavirus.

Kemm il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa u kif ukoll Miriam Dalli qablu li l-istituzzjonijiet Ewropej setgħu ħadu d-deċiżjonijiet b’ritmu aktar mgħaġġel fil-bidu tal-pandemija, bl-MEP Dalli tistqarr li l-ħidma mxiet b’mod kajman. Hija stqarret li l-Unjoni Ewropea ma tistax tkun iffukata biss fuq il-vaċċin.

“Sistema ta’ koordinament li għandha tmur oltre mill-pandemija” – Dalli

Dalli spjegat dan filwaqt li qalet li l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew approva pjan għall-koordinament għas-saħħa fosthom l-aċċess għall-mediċini biex Malta jkollha ħażna tajba. Hija stqarret li s-sistema għandha tapplika oltre mill-pandemija u ssuġġerriet li l-ħażna ta’ mediċini tkun ikkoordinata bejn il-pajjiżi tal-UE f’każi ta’ mard rari. Qalet li tixtieq li tara l-UE tikkordina l-ħażna ta’ mediċini speċifiċi b’mod ugwali għall-pajjiżi kollha biex persuni b’tipi ta’ mard rari jkunu jistgħu jakkwistaw il-mediċini li għandhom bżonn malajr.

“Is-solidarjetà għandha tintwera bil-fatti” – Casa u Dalli

Mistoqsija jgħidu jekk hemmx kriżi ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi tat-Tramuntana mal-pajjiżi tan-Nofsinhar li kienu l-aktar milquta fid-dawl tal-Corona Bonds, iż-żewġ MEPs qablu li s-solidarjetà għandha tintwera bil-fatti.

Dalli qalet li kellu jkun hemm qbil li tingħata aktar għajnuna lill-pajjiżi l-aktar milquta u stqarret li bl-istess mod kellha tiġi mhejjuna Malta minħabba l-immigrazzjoni. Dalli qalet li l-irtirar ta’ Malta mill-Operazzjoni Irini kienet l-aħjar għażla kif Malta tirrispondi għat-tweġiba Ewropea.

“Il-Parlament Ewropew dejjem fuq in-naħa ta’ Malta” – Casa

Dwar l-immigrazzjoni, Casa qal li l-fatt li aħna membri tal-Unjoni Ewropea tagħtina d-dritt li nitolbu għas-solidarjetà Ewropea iżda saħaq li Malta għandha obbligi internazzjonali li trid issalva lill-immigranti.

Huwa stqarr li l-Parlament Ewropew dejjem kien fuq in-naħa ta’ Malta dwar l-immigrazzjoni u fakkar kif kien hu flimkien mal-eks Membru Parlamentari Ewropew Louis Grech li ressqu mozzjoni konġunta biex ikun hemm soluzzjoni permanenti ta’ solidarjetà dwar l-immigrazzjoni. Huwa qal li dakinhar ukoll, il-Parlament Ewropew kien qabel unanimament favur it-talba ta’ Malta.

Stqarr li l-problema tinsab fil-Kunsill Ewropew fejn hemm il-Prim Minsitri tal-pajjiżi kollha. Huwa qal li l-Gvern irid iserraħ rasu li jekk jagħmel ħiltu fil-Kunsill Ewropew se jsib lill-Parlament Ewropew kważi kollu favur soluzzjoni permanenti.

L-UE għandha tagħti flus lil-linji tal-ajru minħabba r-refużjoni tal-biljetti?

Casa qal li r-riżorsi li għandha l-UE jridu jintużaw biex jgħinu lil dawk l-aktar l-għandhom bżonn. Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija dwar jekk l-UE għandhiex tiffinanzja lil-linji tal-ajru biex jagħmlu tajjeb għar-rifużjonijiet lill-konsumaturi.

Il-maskri għandhom jingħataw b’xejn lil kulħadd?

Mistoqsija tgħid x’taħseb dwar it-tqassim tal-maskri b’xejn għall-popolazzjoni sħiħa ta’ Malta, Dalli qalet li għandna dejjem nosservaw dak li tgħid il-Professur Charmaine Gauci.

Il-ġurnalisti se jirċievu flus mill-UE?

Mistoqsi dwar l-għajnuniet li l-Unjoni Ewropea tista’ tagħti lill-ġurnalisti, David Casa qal li l-kmamar tal-aħbarijiet qed ibatu minn problemi finanzjarji. Stqarr li mingħajr ma jiġi impost xi tip ta’ figura għandu jinstab mekkaniżmu biex il-kmamar tal-aħbarijiet jibbenefikaw minn tipi ta’ fondi. Huwa qal li t-talba ntbatgħet il-ġimgħa l-oħra lill-Kummissjoni Ewropea

David Casa temm il-konferenza tal-aħbarijiet billi rringrazzja lill-ġurnalisti tal-ħidma tagħhom u sejħilhom bħala frontliners għaliex qed iwasslu l-aħħar aħbarijiet kemm minn fuq il-post kif ukoll mill-uffiċini.

Isma’ l-konferenza sħiħa hawn:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn