Filmat: Maya tfajla ta’ 16-il sena u captain tat-tim nazzjonali

Maya Lucia, tfajla ta’ 16-il sena u captain tat-tim tan-nisa ta’ taħt is-16-il sena. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Maya dwar il-futbol u l-pjanijiet tagħha tal-futur. Meta tilgħab man-Nazzjonal, ġeneralment tilgħab f’nofs il-grawnd bi rwol xi ftit difensiv. Mal-klabb imbagħad tilgħab f’nofs il-grawnd.

Hi tkellmet dwar kif bdiet tilgħab il-futbol u qalet li qabel ma ħadet il-futbol bis-serjetà, kienet tilgħab il-basketball. Waqt it-training tal-basketball kienet aktar tħobb tixxutja l-ballun minflok. Kien minħabba dan li l-coach issuġġerielha tibda l-futbol minflok.

Maya ilha tilgħab il-futbol mindu kellha 10 snin. Hi bdiet ma’ Luxol FC u issa qed tilgħab ma’ Raiders Għargħur FC.

“Qatt ma bsart li se jiħduni bis-serjetà”

Meta mistoqsija dwar kif ħassitha meta intgħażlet captain tan-nazzjonal, Maya qalet ma kelliex biżżejjed kliem biex tiddeskrivi dak li ħasset. Qalet li mat-tim magħrufa bħala persuna li tfaqqa’ ċ-ċajt u qatt ma basret li kienu se jiħduha bis-serjetà u jafdawha b’dan l-irwol.

Hi qalet li bħala captain trid tikkomunika ħafna ma’ sħabha, tagħraf meta għandha tiċċajta u meta trid tistinka u tmexxi t-tim fil-grawnd.

Waqt l-intervistà Maya tkellmet ukoll dwar l-ammont ta’ training li jkollha u qalet li għalkemm diffiċli ssib bilanċ bejn l-iskola, it-training u l-ħin liberu, dejjem jirnexxielha tagħmel dak li veru tixtieq.

Maya qalet li l-futbol għat-tfajliet sar aktar aċċessibbli għal dawk li jixtiequ jibdew dan l-isport. Spjegat kif numru ta’ klabbs f’Malta għandhom timijiet tan-nisa u ħafna drabi lanqas tħallas biex tittrenja. Hi qalet li l-futbol jgħallmek ċertu affarijiet bħal kif tirrispetta l-sħabek, taħdem fi grupp, kif ukoll jgħin biex wieħed jiżviluppa.

Fl-aħħar tal-intervistà Maya qalet li hu “importanti li wieħed ma jaqta’ qalbu qatt”.

Filmat: Miguela Xuereb, Footage – MFA/Facebook