Filmat: Mawra f’park tad-divertiment tinbidel fi traġedja

Raġel miet filwaqt li diversi persuni oħra sfaw midruba serjament wara li attrazzjoni f’amusement park fl-Istati Uniti nqasmet xħin dawn kienu fuqha.
Filmat li qed idur fuq il-midja soċjali juri kif l-attrazzjoni bl-isem Fireball , li tinsab f’fiera tad-divertiment f’Ohio, inqasmet hi u titbandal.
Ir-rikba tant kienet għaddejja b’veloċità qawwija li xi nies spiċċaw waqgħu metri 'l bogħod minnha.
Din it-tip t’attrazzjoni topera billi titbandal minn naħa għal oħra b’veloċità qawwija filwaqt li ddur b’ritmu ċirkulari bil-passiġġieri fuqha.
Kelliem għall-awtoritajiet tal-post qal mal-midja internazzjonali li l-attrazzjonijiet tal-park kienu ġew spezzjonati qabel ma bdew jintużaw u żied jgħid li se jerġgħu jiġu spezzjonati filwaqt li infetħet investigazzjoni dwar dan l-inċident.