Filmat: “Marti salvatli ħajti”; tagħti kilwa lil żewġha

“Lifesaver ngħidilha jien, mhux marti,” qal Joe Borg dwar martu Joyce li salvatlu ħajtu billi tatu l-kilwa tagħha.

Joe rrakkonta l-istorja tiegħu ma’ Newsbook.com.mt. Spjega kif qatta’ 3 snin sħaħ ġej u sejjer l-isptar, peress li l-operazzjoni baqgħet tiġi posposta minħabba xi kumplikazzjonijiet. Il-kilwa kienet ilha tagħtih il-problemi mill-2009.

Kien kważi 4 xhur ilu meta Joyce tat il-kilwa tagħha lil żewġha Joe. Hija qalet li kienet deċiżjoni faċli għaliha. “Għidt għandi tnejn… nista’ ntih waħda, diment li stajt ngħix b’waħda.” Huwa spjega kif kien hemm ħafna min qatagħlu qalbu għal din l-operazzjoni peress li għandu fuq is-60 sena, imma hu għamel il-kuraġġ u għażel li jkollu ċans ieħor biex jgħix.

Fl-intervista, Joyce qalet li weġġgħet aktar minn Joe waqt l-operazzjoni, iżda meta Newsbook.com.mt staqsieha kieku terġax tagħmilha, hija ma kellhiex wisq diffikultà biex twieġeb. Joyce insistiet li ħajjitha baqgħet għaddejja b’mod normali, li wara din l-operazzjoni, minkejja li trid toqgħod aktar attenta, ma biddlitilhiex l-istil ta’ ħajja tagħha, lanqas id-dieta jew saħħitha.

“Kif kont issemmili injection kont nibda nisfar,” irrakkonta Joe, imma din l-esperjenza ssodatu u għenitu ma jibqax jibża’, la mill-mediċina u lanqas mill-miżerja li taf toffri l-ħajja. L-aktar li kien jibża’ kien li jagħmel xi jiem l-ITU wara l-operazzjoni, iżda dak il-biża’ affaċċjah ukoll u qal li minkejja l-każijiet serji li jkun hemm f’dik is-sala, l-infermiera u t-tobba jagħmlu xogħolhom mill-aħjar u jgħinu lill-pazjenti jħossuhom aħjar. Wara t-trapjant ukoll affaċċja xi mumenti diffiċli, peress li kellu problema biz-zokkor u kellu jerġa’ jmur l-isptar. Minkejja dawn il-mumenti ta’ qtigħ il-qalb, huwa xorta grat ħafna lejn martu Joyce li tatu ċans ieħor biex jgħix.

Minkejja li l-mard ġabu aktar nervuż, irrealizza kemm għandu jaffaċċja l-ħajja b’mod rilassat, u ma jinkwetax fuq il-politiċi, il-futbol u l-affarijiet l-oħra tad-dinja. Qal lil Newsbook.com.mt kif din l-esperjenza għallmitu jkun aktar paċenzjuż, u japprezza l-ħajja iżjed. Madankollu, Joyce xorta żżid tgħid, “Jalla ma jaqbadhomx… għax kerha.”

Il-koppja rringrazzjat lil Paul Calleja u t-tim mediku tiegħu, flimkien mal-kirurgi Dr Attard u Dr German.

Il-kliewi huma l-aktar organi li jingħataw b’donazzjoni, u l-aktar li hawn domanda għalihom. Għal aktar informazzjoni, tistgħu tikkuntattjaw lir-Renal Unit fi ħdan l-Isptar Mater Dei.