Filmat: Mart u bint il-PM jiltaqgħu ma’ tfal vittmi ta’ vjolenza domestika

Il-Ħadd Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru, u Giorgia Mae, laqgħu t-tfal li huma vittmi ta’ vjolenza domestika f’Villa Francia Ħal Lija.

It-tfal kienu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom u pparteċipaw f’diversi attivitajiet fosthom il-qtugħ tal-larinġ li jikber fil-ġonna ta’ Villa Francia.  

Qabel waslu f’Villa Francia, membri tal-korp tal-pulizija organizzaw ġurnata ta’ attivitajiet għat-tfal, fosthom żjara fis-sezzjoni tal-klieb u fis-sezzjoni taż-żwiemel tal-korp.

Matul idd-diskors tagħha, Lydia Abela rringrazzjat lill-uffiċjali tal-korp li mhux biss għenu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, iżda baqgħu jsegwuhom u fil-ħin liberu tagħhom organizzaw ġurnata ta’ attivitajiet. Żiedet li kemm hi u Giorgia Mae kienu entużjasti li jiftħu l-bieb ta’ Villa Francia għal dawn it-tfal.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri faħħar din l-inizjattiva u spjega kif okkażjoni bħal din turi l-ħtieġa li t-tfal jingħataw aktar attenzjoni. Dan għaliex ħafna drabi t-tfal jaraw kollox għaddej quddiemhom però ma jistgħu jagħmlu xejn ħlief li jaraw u jisimgħu, għalhekk jgħaddu minn trawma. Kompla li “qed naħdmu sabiex il-korp ikun iktar sensittiv fl-attitudni tiegħu lejn vittmi tal-vjolenza domestika. Irridu li kull vittma, irrispettivament tal-età tagħha, tingħata l-attenzjoni u s-sapport li jkollha bżonn fl-aktar mument diffiċli ta’ ħajjitha”.  

Preżenti għal din il-ġurnata kien hemm wkoll il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Fil-kummenti tiegħu Angelo Gafà qal li din il-ġurnata turi s-sens uman tal-Korp tal-Pulizija. Żied li tfal li jgħaddu minn vjolenza domestika ġurnata bħal din tista’ tkun opportunità ta’ darba u tibqa’ fil-memorja tagħhom.