Filmat: Marlene Mizzi tgħid li l-annimali għandhom jiġu ttrattati b’rispett

L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi talbet lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jieħdu pożizzjoni b’saħħitha għall-ħarsien tal-annimali madwar l-Ewropa.
Sostniet li “Miljuni ta’ ċittadini Ewropej jaqsmu l-istess fehma tiegħi li l-ħarsien u t-titjib tal-ħarsien tal-annimali hu importanti ħafna. Għandna bżonn ta’ direzzjoni Ewropea ċara kif għandhom jiġu ttrattati annimali fl-Istati Membri differenti.”
Matul id-dibattitu Parlamentari fi Strasburgu, l-MEPs u l-Kummissjoni ddiskutew il-possibiltajiet ta’ strateġija għall-benesseri tal-annimali għas-snin l-2016 sal-2020. Marlene Mizzi ħeġġet lill-Kummissjoni biex timplimenta l-punti pendenti mill-istrateġija attwali kif ukoll tfassal strateġija ġdida malajr kemm jista’ jkun.
Saħqet li l-annimali huma ħlejjaq bħalna li jħossu u bħalna jweġġgħu u bħalna jsofru. Qalet li l-annimali m’għandhomx jiġu abbużati u għandhom jiġu ttrattati b’dinjità u rispett.