Filmat: Marilyn Aquilina tirbaħ l-44 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu

L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija, din is-sena ħa xejra ġdida permezz ta’ festival televiżiv bi produzzjoni tal-Għanja tal-Poplu b’kollaborazzjoni mal-PBS. Din s-sena l-palk tal-festival kienu it-toroq u mkejjen pittoreski fl-ibliet li jdawru l-Port il-Kbir. Il-festival ixxandar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru.

F’din l-edizzjoni żdiedu n-numru tal-kantawturi – artisti li jesprimu ruħhom billi joħolqu kanzunetta u jinterpretawha huma stess. 

Marilyjn Aquilina. Ritratt: Joseph Agius Attard

Il-kanzunetta Jien u Int tal-kantawtriċi Marilyn Aquilina rebħet it-titlu ta’ L-Għanja tal-Poplu2020. F’din il-kanzunetta, Marilyn tesprimi l-emozzjonijiet u s-sentimenti personali u ġenwini ma’ xi ħadd li diġà bena ħajt madwaru. 

Il-kanzunetta Sant’ Antnin tal-kantawtriċi Rita Pace ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Rita tgħid li Sant’Antnin qisu s-segretarju tagħha u li dejjem tqabbdu jfittxilha kull xorta ta’ affarijiet – kemm affarijiet ta’ kuljum imma wkoll affarijiet iktar serji. 

Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta Sakemm Sibt Garaxx kantata minn Sarah Micallef Muscat, fuq kliem ta’ Frederick Camilleri u mużika ta’ Augusto Cardinali. Il-kanzunetta titkellem dwar ir-regħba tal-ftit, li qiegħda tkun konsegwenza ta’ tbatija għal uħud minn fostna bħal pensjonanti u immigranti li jispiċċaw jgħixu f’garaxx, b’kera baxxa u bla ilma u dawl, fl-aqwa żmien.  

Il-premju għall-interpretazzjoni intrebaħ minn Kemmuna Airways, id-duo li reġa’ rritorna bil-kanzunetta Il-Ħass u l-Basal, kliem u mużika ta’ Rita Pace. Il-kanzunetta b’mod imqajjem tesprimi  r-realtà tal-Maltin li jinsabu miexja ġo deżert ta’ ċapep bojod ta’ bini, jibilgħu l-mediċini kontra s-sogħla u d-dipressjoni u ma jgergrux għax jgħidulhom li hawn il-flus.

Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Mark Cachia bil-kanzunetta Normalità Ġdida interpretata mill-JAMM Band, kanzunetta dwar il-ħajja tagħna f’din l-epidemija li laqtitna.

Il-premju għall-aħjar kantawtur mar għand Jean Claude Vancell bil-kanzunet F’Dirgħajk. Jean Claude jesprimi dak li ħass meta  kien qiegħed jivvjaġġa waħdu l-Amerka u għalkemm ra ħafna ġmiel u gawda kemm felaħ, baqa’ jaħseb fl-imħabba li ħalla warajh.

Il-mistieden speċjali kien Philip Vella, ir-rebbieħ ta’ L-Għanja tal-Poplu 2019 li nieda l-album tiegħu 60+ u kanta l-kanzunetti mill-istess album ‘Il-Verità’ u ‘Ġenna u Nfern’. 

Ippreżentaw is-serata tal-festival l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.  

Gianluca u Dorothy Bezzina

Minkejja l-pandemija il-festival kien suċċess u kien segwit minn numru kbir ta’ telespettaturi minn fuq it-televiżjoni.

L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija huwa mgħejun mill-Kunsill Malti għall-Arti u mill-Valletta Cultural Agency, filwaqt li l-produzzjoni viżiva kienet tal-PBS.

Dan it-tagħrif twassal mill-organizzaturi ta’ L-Għanja tal-Poplu.