Filmat: “Marija hija l-GPS li tgħinkom issibu t-triq” – l-Isqof liċ-ċiklisti

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li Marija hija l-GPS li tgħin liċ-ċiklisti u s-sewwieqa tal-muturi jsibu t-triq. L-Isqof qal dan f’quddiesa li ġiet iċċelebrata fuq iz-zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu għal mijiet ta’ sewwieqa tal-muturi li permezz tal-organizzazzjoni “Bikers for Charity”, għamlu Pellegrinaġġ li fih inġabru flus għall-Fondazzjoni Puttinu Cares.

Fl-Omelija tiegħu huwa xebbaħ il-ġrajja tal-iben il-ħali mal-ħajja taċ-ċiklisti u s-sewwieqa tal-muturi li fi kliem l-Isqof ifittxu toroq ġodda b’destinazzjonijiet sbieħ. Qal li xi kultant waqt is-sewqan jiġri li nkunu qbadna triq b’oħra li flok twassalna fid-direzzjoni t-tajba naslu f’destinazzjoni żbaljata.

Qal li fil-ġrajja taż-żagħżugħ “għax tilef triqtu, sab it-triq tiegħu”. Huwa qal hekk għaliex jekk tkun tlift it-tiq ma jfissirx li hi xi ħaġa ħażina imma tista’ tkun ukoll opportunità biex insibu triqatna.

Fl-Omelija tiegħu, l-Isqof saħaq li jekk inwarrbu dak li għaddewlna ta’ qabilna nirriskjaw li jkollna inċidenti gravi.

“Timxix fuq il-mappa li jagħtik ħaddieħor”

Qal li jinkwieta meta xi ħadd jgħidlu li m’għandux għalfejn ifittex it-triq għax it-triq jafha. Huwa għamel referenza wkoll għal dak li jiġri fil-Knisja meta dawk fi ħdanha jsegwu biss dak li jkunu ħadu mingħand ħaddieħor u ma jfittxux it-triq tagħhom. Appella biex ma nimxux fuq il-mappa li jagħtina ħaddieħor fl-istess waqt li kulħadd għandu jagħmel il-mappa tiegħu.

Spjega wkoll it-tifsira tal-azzjoni tal-missier li ħareġ jiġri jilqa’ lil ibnu. Qal li ma nistgħux inkunu ħbieb ta’ Alla jekk qabel ma nkunux indunajna li Alla jħobbna.

Fil-Quddiesa ġiet imfakkra l-memorja ta’ sewwieqa tal-muturi li tilfu ħajjithom traġikament.

Fuq Facebook, John Bundy li huwa wieħed mill-organizzaturi qal li nġabru aktar minn €1,600 f’donazzjonijiet għal Puttinu Cares.

Filmat: John Cordina