Filmat: Maratona ta’ ġbir ta’ fondi għal DAR Bjorn akbar u aħjar

Read in English.

Maratona ta’ ġbir ta’ fondi sabiex tkun tista tinfetaħ it-tieni Dar Bjorn għall-pazjenti bl-ALS u kundizzjonijiet newroloġiċi oħra se tittella’ l-Ħadd li ġej, bejn nofsinhar u nofsillejl.

L-ewwel Dar Bjorn, f’Ħal Qormi, ġiet inawgurata fl-2017 fuq inizjattiva ta’ Bjorn Formosa, li xtaq li jkun hemm faċilità residenzjali fejn pazjenti bl-ALS u kundizzjonijiet simili jkunu jistgħu jgħixu u jirċievu assistenza medika bla ħlas. Però din id-dar tista’ tospita biss 13-il pazjent, u l-lista ta’ stennija qabżet il-50 persuna.

B’hekk ALS Malta qed tippjana li tiftaħ faċilita’ akbar u aktar ġdida f’Ħaż-Żebbuġ, li tipprovdi aktar sodod speċjalizzati mqassmin fuq 7 sulari. L-ispiża biex titlesta’ u tinfetaħ id-dar tammonta għal €5 miljun, u s’issa inġabru aktar minn €3 miljun.

S’issa għadha ma nstabitx kura għall-ALS, u x-xewqa ta’ Bjorn hi li jilħaq il-ftuħ tat-tieni dar li ġġib ismu.

B’hekk ALS Malta tħeġġeġ il-pubbliku biex ikun ġeneruż u jgħin biex din l-inizzjativa ssir realtà.

Il-maratona se tixxandar fuq stazzjonijiet varji tat-TV: TVM, TVM2, One, Net u Fliving.