Filmat: Mara tmexxi kelb bla ċinga fuq mansab armat; “provokazzjoni” – FKNK

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) sostniet li l-provokazzjoni tal-barranin fuq il-kaċċaturi u n-nassaba qed tkompli, hekk kif bagħtet filmat ta’ nassab fil-kampanja Għawdxija. Fil-filmat tidher mara tmexxi l-kelb mingħajr ċinga fuq propjetà privata, fuq mansab armat. 

L-FKNK qalet li n-nassab prova jkellem lil din il-mara bil-kelma t-tajba biex iżżomm il-klieb fuq iċ-ċinga u ma tħallihomx jidħlu fuq il-mansab u jnaffru l-għasafar, imma din ma tatx każu. In-nassab mar jagħmel rapport lill-pulizija li ħarku lill-mara u wissewha biex kif inhi liġi iżomm il-klieb fuq iċ-ċinga u ma tidholx jew tħalli l-klieb jiġru f’art privata. 

L-FKNK żiedet tgħid li kien hemm każ ieħor ta’ kaċċatur fiż-Żonqor Marsascala. Huwa illarga mid-dura tiegħu u mar ħdejn sieħbu kaċċatur ieħor biex jgħidu kelma u jieħdu kafè. Skont l-FKNK, il-kaċċatur lemaħ mara barranija tavviċina d-dura tiegħu fejn kien ħalla l-imlivezz u sturnell ħaj ġo gabjetti li kien qiegħed juża għal għajjat.

Hi fetħet u ħelset wieħed mill-imlievez u sturnell, dehret bi ħsiebha tkompli teħles l-għasafar l-oħra. Meta ġibdilha l-attenzjoni, telqet tiġri. Il-kaċċatur għamel rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar u ta’ kopja tar-rapport lill-FKNK.

L-FKNK sostniet li l-BirdLife Malta nstigaw din is-sensiela ta’ provokazzjonijiet fil-11 t’Ottubru 2020.

L-FKNK qed tappella għal protezzjoni mill-Gvern u mill-Pulizija kontra dawn u attakki oħra li seħħew fil-ġimgħat ta’ qabel.