Filmat: Manutenzjoni fiż-żona ta’ Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ

Ħaddiema mid-Diviżjoni għall-Manutenzjoni u t-Tindif bħalissa għaddejjin b’xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-Qasam tad-Djar ta’ Ħal Mula ġo Ħaż-Żebbuġ.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli żaret din iż-żona u, filwaqt li tkellmet mal-ħaddiema, kellha l-opportunità titkellem ukoll ma’ diversi residenti. Il-Ministru kienet akkumpanjata mis-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Deo Debattista, mid-Direttur Ġenerali għall-Manutenzjoni u t-Tindif Ramon Deguara, kif ukoll mis-Sindku tar-raħal Malcolm Paul Galea.

Ix-xogħol li qiegħed isir f’din iż-żona jikkonsisti f’irranġar ta’ passaġġi, tikħil u tibjid ta’ ħitan, kif ukoll irranġar ta’ kurduni tal-bankini, flimkien ma’ tindif tal-partijiet pubbliċi. Għal dawn ix-xogħlijiet ġew allokati madwar €35,000.

Riċentament, f’Ħaż-Żebbuġ ukoll saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fin-nursery tal-futbol ta’ Żebbuġ Rangers FC.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li d-Diviżjoni għall-Manutenzjoni u t-Tindif kienet waħda mill-aktar entitajiet li tul din is-sena baqgħet qrib kull komunità permezz tax-xogħol li sar u li għadu għaddej, ta’ diżinfettar fl-irħula.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista enfasizza l-importanza ta’ dan ix-xogħol li bħalissa għaddej b’ritmu mgħaġġel. Żied jgħid illi din id-diviżjoni qed tgħin diversi għaqdiet sportivi, kif ukoll qed tagħmel xogħol estensiv f’binjiet governattivi. Dan kollu qed isir flimkien max-xogħol ta’ rutina li jsir ta’ kuljum minn din id-diviżjoni.

Ħidma mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ
80 tunnellata ta’ kompost miż-żabra f’Ħaż-Żebbuġ