Filmat: Mansab illegali fil-Kalkara; 23 għasfur ikkonfiskati u meħlusin

Read in English.

BirdLife Malta, flimkien mal-pulizija tat-taqsima tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva (ALE), sabet mansab illegali fil-Kalkara, li fih kienu qed jinżammu 23 għasfur maqbud illegalment f’gaġeġ. Dawn ġew ikkonfiskati.

Fi stqarrija, l-NGO spjegat li din is-sejba saret permezz ta’ ħidma investigattiva. Hija ħadet filmat tal-inħawi u għamlet rapport mal-ALE. Fuq il-post dawn sabu kemm xbieki, kif ukoll l-għasafar miżmumin fil-gaġeġ. Il-mansab mhux irreġistrat, li nstab bi xbieki mitluqin għal riħhom mingħajr l-ebda sorveljanza, jinsab fil-kumpless tal-Forti Rikażli, li huwa proprjetà tal-Gvern ta’ Malta, u l-parti l-kbira tiegħu preżentement hi mikrija lill-Kummissjoni Maltija tal-Films.

Uffiċjali tal-pulizija tal-ALE neħħew ix-xbieki u kkonfiskaw 23 għasfur protett li kienu qed jinżammu fil-magħluq. Minkejja li ntalab intervent min-naħa tal-esperti tat-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU), din ma kellhiex ir-riżorsi adekwati biex tassisti, u l-pulizija kellhom iduru fuq l-esperti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jgħinuhom jidentifikaw l-għasafar li ġew konfiskati.

L-għasafar – li kienu jvarjaw minn bliebel għal pitirrossi, żiemel, diżż u għadd ta’ sponsuni u ġojjini – ġew eżaminati minn veterinarju, u aktar tard twaħħlilhom ċurkett u nħelsu minn BirdLife Malta fir-Riserva Naturali tal-Għadira. Il-kundizzjoni ta’ ħafna minnhom kienet ħażina. Iċ-ċrieket li twaħħlu illegalment fuq l-għasafar flimkien max-xedd li kienu mlibbsin tneħħew kollha minn fuqhom.

BirdLife qalet li l-fatt li l-mansab kien armat bix-xbieki fl-art, u bl-għasafar miżmuma fuq il-post, uħud minnhom imbragati biex jintużaw bħala lixka għal għasafar oħrajn, juri b’mod ċar li n-nassab kellu l-intenzjoni li jaqbad l-għasafar illegalment fil-ġimgħat li ġejjin.

L-NGO rringrazzjat lill-ALE kif ukoll lill-ERA għall-intervent f’waqtu tagħhom. L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.