Filmat: Mangia favur Kampjonat Premier b’10 timijiet u restrizzjonijiet fl-ammont ta’ barranin

Il-kowċ nazzjonali Malti b’intervista li kienet segwita minn ħafna f’Replay ta’ nhar il-Ħadd li għadda

Nhar il-Ħadd li għadda, il-programm popolari dwar il-futbol Malti fuq Net Television, Replay wassal intervista esklussiva mal-kowċ nazzjonali Malti, Devis Mangia. Din l-intervista, b’mistoqsijiet diretti u interessanti, tmexxiet mill-ġurnalist sportiv u preżentatur tal-programmi Replay, Christian Micallef u saret f’ambjentazzjoni mhux tas-soltu, fid-dressing room mill-isbaħ tat-tim nazzjonali Malti f’Ta’Qali.

Mingħajr dubju, sal-lum din kienet l-aktar intervista ta’ Mangia bħala kowċ ta’ Malta, li fiha tat l-opportunità lill-istess kowċ Taljan, jispjega l-viżjoni tiegħu u jidħol fil-fond tal-proġett tiegħu mal-MFA. Permezz tal-istil tiegħu, fil-mod ta’ kif jistaqsi l-mistoqsijiet f’intervisti ta’ dan it-tip, Micallef staqsa lil Mangia biex jgħidlu x’kienu dawk id-dubji li hu kellu fil-bidu nett ta’ dan l-impjieg tiegħu mal-MFA u li llum tawħ risposta bl-oppost ta’ kif kien qed jaħsibha kif ukoll sabiex jispjega fil-prattika u b’sempliċitá li jifhmu kulħadd, l-istil filosofiku u tattiku li hu qed jimplimenta fil-ħidma tiegħu bħala kowċ nazzjonali, mhux biss mat-tim tal-kbar iżda mat-timijiet kollha nazzjonali fil-kategoriji kollha, inkluż fit-tim nazzjonali tan-nisa.

Quddiem il-cameras ta’ Replay, Mangia tkellem għall-ewwel darba dwar it-tim tekniku tiegħu, li hu kompost minn xejn inqas minn għaxar persuni tekniċi Taljani, li kollha kemm huma ġew impjegati mill-MFA bħala parti mill-proġett ħolistiku ta’ Mangia f’Ta’Qali. Bosta minn dawn l-individwi huma persuni b’CV kalċistiku mill-aktar interessanti, bħal fil-każ taż-żewġ assistant kowċis tiegħu, Davide Mazzotta u Guillermo Giacomazzi.

Mangia tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni kbira li għandu mal-eks kowċ nazzjonali Taljan, Arrigo Sacchi kif ukoll dwar temi partikolari u li jolqtu direttament lill-klabbs lokali, bħal fil-każ tan-numru ta’ timijiet ta’ klabbs fil-Kampjonat Premier u dwar l-ammont ta’ plejers barranin fl-ogħla diviżjoni ta’ pajjiżna. F’din l-intervista, Mangia stqarr għall-ewwel darba li hu favur Kampjonat Premier b’għaxar timijiet u jixtieq jara restrizzjonijiet fl-ammont ta’ plejers barranin li jilgħabu fil-Kampjonat Premier.

F’Replay ta’ nhar il-Ħadd li għadda, ixxandret il-verżjoni qasira ta’ din l-intervista, ta’ madwar 35 minuta. Madankollu, speċjalment għaliex il-kontenut li fiha din l-intervista hu wieħed interessanti u spjegat ferm tajjeb mill-istess kowċ nazzjonali Malti, il-paġna ta’ Replay fuq Facebook, għadha kemm ippublikat l-intervista sħiħa fuq il-media soċjali; liema intervista hi twila siegħa.

Segwi l-intervista sħiħa minn hawn:

Dritt għall-punt ma’ …| Devis Mangia (l-intervista sħiħa)

Dritt għall-punt ma’ …| Devis Mangia (kowċ ta’ Malta)Din hija l-verżjoni sħiħa tal-intervista kollha, peress li dik li dehret fuq Replay (Net Television) tal-Ħadd, kienet il-verżjoni qasira.Karozza li tidher fil-bidu ta’ dan il-filmat | Audi Q3Ħajr| Continental Cars Ltd.Cameraman | Ramon FarrugiaMuntaġġ | Beverly Abela

Posted by Replay (Net Television) on Monday, November 23, 2020

Dan it-tagħrif twassal mit-tim ta’ Replay.