Filmat: Maltin jaqsmu 9 pajjiżi f’żewġ karozzi

Wara 13,000 kilometru f’żewġ karozzi qodma tad-ditta Subaru, Team Mally Krashers wasal il-Mongolja. Luke, Romy, Jennifer, Brunella, Andrew u Nicholas għaddew minn 9 pajjiżi biex jaqsmu mir-Repubblika Ċeka għal Mongolja f’avventura hekk imsejjħa il-Mongol Rally. Dan għamluh f’isem l-organizzazzjonijiet mhux governattivi Cool Earth, Dar Bjorn u Anita’s Palace.

Il-Mongol Rally hi tellieqa bil-karozzi, fejn l-isfida hi li l-parteċipanti jużaw magna ta’ 1200cc u inqas. It-timijiet ma jistgħux jitolbu għall-għajnuna, u ħsara fil-karozza hija problema tagħhom! Barra minn hekk, iridu jiġbru minn tal-inqas £1,000 għall-karità.

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-wasla tagħhom fuq Facebook, spjegaw l-uġigħ f’dahrom, l-argumenti, il-fatt li ma tħallewx jaqsmu l-fruntiera bejn pajjiż u ieħor darbtejn, il-fatt li kellhom ixaħħmu pulizija, kif tilfu r-rotta, kif waqfu l-karozzi minn tal-inqas ħames darbiet, u anka kif tajjru baqra. Però, sostnew li huwa ħin ta’ ċelebrazzjoni tal-ħbiberija ta’ bejniethom u tas-suċċess kontra l-isfidi li għelbu.

Huma marru fuq din l-avventura f’isem tliet organizzazzjonijiet mhux governattivi, li huma Cool Earth li taħdem kontra d-deforestazzjoni, Dar Bjorn li taħdem għal nies morda bl-ALS u Anita’s Palace li taħdem għat-tfal fil-bżonn fil-Kenja.