Filmat: Maltin b’riċerka li taf tirranġa difetti fl-għadam

Grupp ta’ xjentisti Maltin qed jagħmlu riċerka dwar prodott li kapaċi jgħin pazjenti li jkollhom xi difett fl-għadam tagħhom.

Newsbook.com.mt iltaqa’ mat-tim tal-proġett BioSA li huwa magħmul minn riċerkaturi ġejjin mill-qasam tal-inġinerija u oħrajn mill-kamp mediku.

Prof. Ing Joseph Buhagiar spjega li l-għan tal-proġett huwa li jinħolqu impjanti għall-ġisem magħrufin bħala scaffolds. Dawn ikunu magħmulin minn materjali differenti li l-porożità tagħhom tħalli liċ-ċelloli tal-għadam jidħlu fihom biex jekk ikun hemm difett fl-għadma, dan jitranġa.

L-għan aħħari tal-BioSA huwa li l-prodott jidħol fis-suq mondjali. Però, Buhagiar qal li din mhix xi ħaġa li ssir mil-lejl għan-nhar u li hemm bżonn numru ta’ snin ta’ riċerka biex issir realtà. Fil-futur ikunu jistgħu japplikaw għal patent biex imbagħad ibigħu t-teknoloġija lil xi kumpanija.

Christabelle Tonna, studenta tal-PhD fl-inġinerija fl-Università ta’ Malta, qalet ma’ Newsbook.com.mt li qed jużaw sponoż simili bħal ma’ wieħed isib fil-kċina tad-dar.

Din tiġi miksija b’taħlita ta’ trab u metal flimkien ma kolla ħafifa biex it-taħlita teħel ma’ wiċċ l-isponża. Din l-isponża titpoġġa f’forn li jilħaq il-1,200 ℃. L-isponża oriġinali tinħaraq u t-trab jgħaqqad. Il-prodott li jifdal ikun simili ħafna għall-isponża oriġinali.

Bħalissa t-tim tal-BioSA qed jiffoka fuq il-kompożizzjoni tal-materjal, jiġifieri l-ammont tal-metall li jkun fit-taħlita. Dan qed isir biex tiġi kkontrollata r-rata ta’ degradazzjoni tal-impjant fil-ġisem. It-tim jixtieq isib rata ta’ degradazzjoni li tkun simili għar-rata li biha l-għadma tissewwa fil-ġisem.

Dr Luke Saliba, tabib li qed jispeċjalizza fl-operazzjonijiet ortopediċi, qal li l-iscaffold se jkun qed jipprovdi alternattiva għall-affarijiet li qed jintużaw illum il-ġurnata – autograft jew allograft. F’dan il-każ, l-autograft tkun parti minn għadma tal-pazjent stess u allograft tkun għadma ġejja mingħand persuna differenti.

Saliba qal li bħalissa meta tintuża autograph, il-pazjent ikollu bżonn operazzjoni oħra biex din l-għadma tiġi estratta. Is-soltu, din l-operazzjoni ssir fl-istess ħin li tkun se ssir l-operazzjoni biex din il-biċċa għadma titpoġġa fejn ikun hemm il-ħtieġa, però il-pazjent imbagħad ikollu żewġ partijiet li jkun operat fuqhom. Dan ifisser aktar uġigħ wara l-operazzjoni u ‘difett’ ieħor. Bil-prodott tal-BioSA, l-għan huwa li jiġu evitati problemi bħal dawn.

Saliba spjega li għad fadal ħafna xi jsir biex il-materjali li qed jużaw bħalissa jkunu jistgħu jintużaw fil-ġisem tal-bniedem. Qed issir riċerka fiċ-ċelloli u qed jiffokaw fuq kif il-metall jissaddad u jaffettwa ċ-ċelloli tal-għadam. Fil-futur, jixtiequ jagħmlu testijiet fil-ġrieden.

Prof. Ing Joseph Buhagiar qal li nħoloq konsorzju biex il-proġett ikun ta’ suċċess. L-imsieħba tal-konsorzju jinkludu numru ta’ Dipartimenti mill-Università ta’ Malta li qed jaħdmu flimkien mad-DIpartiment tal-Ortopedia tal-Isptar Mater Dei.

Il-proġett BioSA (R&I-2017-037T) huwa ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), għal u għan nom tal-Fondazzjoni għax-Xjenza u t-Teknoloġija, permezz ta’ FUSION: R&I Technology Development Programme.

Għal aktar dettalji dwar il-proġett BioSA wieħed jista’ jżur is-sit tagħhom hawn jew inkella l-paġna tal-proġett fuq Facebook.