Filmat: Maltija ‘Eroj’ għax tipproteġilna l-ikel

Il-Professur Charmaine Gauci ġiet nominata bħala Eroj Ewropea f’kampanja li għaddejja bħalissa mill-Unjoni Ewropea biex tqajjem kuxjenza dwar il-protezzjoni ta’ dak li nieklu.

Fil-programm Follow-Up ippreżentat minn Jes Saliba, il-Professur Gauci spjegat il-ħidma tagħha li tmur lil hinn mill-protezzjoni tal-ikel f’Malta iżda li bil-ħidma tagħha, l-ikel fl-Unjoni Ewropea jkollu protezzjoni aħjar.

L-Ewropa tindaħal jew tipproteġina fl-ikel?

Hija spjegat li l-għan tal-Unjoni Ewropea hu li tikkordina l-pajjiżi Ewropej. Skont il-Professur Gauci, 80% tal-ikel f’Malta jiġi impurtat minn barra u huwa għalhekk id-dmir ta’ professjonisti li jaħdmu fis-saħħa u veterinarji li janalizzaw l-ikel u l-ilment li jkun hemm.

Saħqet li l-proċedura li ssir f’Malta tgħaqqad id-dipartimenti tas-saħħa pubblika madwar il-pajjiżi Ewropej biex l-informazzjoni tixtered. Dan għaliex semmiet kif f’Malta hawn tim dedikat 24 siegħa kuljum biex jirċievu l-ilmenti u l-alerts dwar il-prodotti għax qalet li ma tkunx taf x’ħin jidħol ilment.

Hija tkelmet ukoll dwar eżempju fejn ilment ta’ persuna Malta għen biex il-pajjiżi tal-UE jkunu lesti jneħħu l-prodott mis-suq.

Zalza tat-tadam li kien fiha l-moffa

Fil-programm, il-Professur Gauci semmiet eżempju ta’ meta l-uffiċċju li tmexxi hi rċieva lment li zalza tat-tadam kien fiha l-moffa. Spjegat li l-proċess jiskatta billi jiġi identifikat il-prodott u jsiru s-sample meħtieġa minn diversi ħwienet u dawk li jbiegħu bil-bulk. Imbagħad isir kuntatt mal-aġent u u f’dan il-każ speċifiku kien hemm sejħa biex il-prodott jitneħħa mis-suq u jerġa’ jinġabar.

“Id-dover tagħna jmur oltre”, spjegat Gauci u kien għalhekk li mal-awtoritajiet Taljani u sabu li l-prodott “veru kien hemm problema”. L-awtoritajiet Taljani avżaw lill-fabbrika fl-Italja minn fejn bdew sterilizzazzjoni biex ma terġax tiġri. Dan il-prodott imbagħad kien tniżżel f’lista li ħolqot l-UE bil-prodotti “ħżiena” f’kull pajjiż.