Filmat: Maltija bl-aqwa teżi fil-Medical Imaging fir-Renju Unit

Read in English.

Vanessa Azzopardi, li bbenefikat mill-iskema Endeavour, ingħatat il-premju għall-aqwa teżi fil-Medical Imaging fl-2017, mill-Istitut tal-Fiżika u l-Inġinerija fil-Mediċina (IPEM) fir-Renju Unit. Azzopardi studjat fil-livell ta’ Masters fl-Università ta’ Surrey.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Vanessa wara l-laqgħa li flimkien ma’ żewġ benefiċċjarji oħra kellha mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia.

Azzopardi tgħid li l-fondi kienu ta’ għajnuna kbira għall-istudju tagħha u kieku dawn ma kienux hemm probabbli kien ikollha tagħżel mod ieħor biex tkompli tistudja barra. Hi spjegat kif l-esperjenza għenitha tikber.

Fil-futur, hija tixtieq tara iktar opportunijiet kemm fir-riċerka kif ukoll f’xogħol iktar speċjalizzat fil-qasam ta’ Medical Imaging biex dak l-investiment li sar fiha jkun ta’ utli għall-pajjiż. Azzopardi qalet li tixtieq tara opportunitajiet għal trainee medical physicists biex studenti kkwalifikati jiġu esposti u jingħataw l-esperjenza meħtieġa fl-isptarijiet u eventwalment jiġu impjegati fis-settur.

Minbarra Vanessa Azzopardi ħadu wkoll il-premju John Ambrogio u Johanna Florence Grech li ħadet il-premju Marie Midolo f’Malta. Grech studjat f’livell ta’ Masters fil-qasam tal-lingwi, edukazzjoni u r-riċerka.

Ma’ Newsbook.com.mt Grech qalet li kieku ma kinux il-fondi kienet tkun ħafna diffiċli li terġa’ tibda tistudja. Grech li hi wkoll avvanzata fl-età qalet li kienet pożittiva l-varjazzjoni fid-demografija fejn kien hemm nies li kienu ilhom jaħdmu fis-settur u reġgħu lura għall-istudju.