Filmat: Malti jgħin biex jitnaddaf l-ispazju

Madwar id-dinja hemm mal-500,000 biċċa tal-iskart spazjali jduru b’veloċità li tilħaq is-17-il km fis-sekonda.
Ma’ Newsbook.com.mt Denis Cutajar, student tal-PHD fl-Università ta’ Malta u membru tax-xjenza spazjali u l-astronomija fl-Università ta’ Malta  spjega li l-iskart spazjali huwa kull oġġett li jorbita madwar id-dinja li jtella’ l-bniedem, fosthom rocket booster, sateliti qodma li ntilef il-kuntatt minn magħhom u biċċiet mis-satelitti li jkunu tkissru.
Dawn l-affarijiet kapaċi jagħmlu ħafna ħsara, li kif spjega Cutajar anke l-iżgħar biċċa bħal vit jista’ jikkawża ħsara fis-sateliti, fosthom fis-solar panel  u jistgħu jkissru satelita sħiħa.
Huwa spjega li hawn diversi timijiet madwar id-dinja li qed jaħdmu biex jiġbru informazzjoni dwar l-iskart u fl-aħħar mill-aħħar jinġabar.
Qal li soluzzjoni minnhom hija li jtellgħu satelita speċjali li timbotta l-iskart lejn l-atmosfera biex jinħaraq.
Denis Cutajar huwa wieħed mill-persuni li qed jaħdem fuq dan l-iskart billi ddissinja sistema biex issib l-iskart li qed idur madwar id-dinja u toħloq database b’informazzjoni dwar l-iskart.
Dan wara li permezz ta’ konsorzju mill-Aġenzija Spazjali Ewropea sar ftehim bejn l-Istitut tax-Xjenza Spazjali u l-Astronomija fl-Università ta’ Malta  u l-Istitut Nazzjonali tal-Astrofiżika u l-Aġenżija Spazjali Taljana.
L-għan tal-konsorzju huwa li jiżdiedu l-istrumenti li kapaċi josservaw l-iskart sabiex ikunu protetti s-satelitti.
Dan l-istrument mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena wara sentejn ta' ħidma.
Filmat: Media Centre