Filmat: Film Malti għall-ewwel darba fil-Brażil

Għad-disà edizzjoni tal-festival tal-films Cinefantasy li se jittella’ f’dawn il-ġranet fil-Brażil, se jkun qed jintwera l-film The Weeping House of Qala, li huwa t-tieni film għaċ-ċinema li ħadem Mark Doneo.

Din hija l-ewwel darba li Malta se tkun rappreżentata f’dan il-festival li se jsir f’San Paolo fil-Brażil.

F’Malta, il-ftuħ uffiċjali tal-film se jsir nhar l-20 ta’ Settembru fl-Eden Cinema. Dakinhar qed jitqies bħala avveniment speċjali. Se tkun qed tinħoloq atmosfera ħelwa fiċ-ċinema bis-soundtrack għaddejja, duħħan, u animaturi fost oħrajn.

Kull min jixtri biljett għal dak inhar se jkollu b’xejn poster b’format A3.

L-istorja hija bbażata fil-gżira ta’ Għawdex. Titratta grupp ta’ ħbieb Maltin li jitilgħu apposta il-Qala, Għawdex biex jagħmlu dokumentarju fuq dar li jingħad li jinstemgħu ħsejjes strambi fiha minkejja li ma jgħix ħadd hemm.

Li jiġri f’din id-dar, psikoloġikament jispiċċa biex jeffettwa mentalment lil dan il-grupp ta’ ħbieb.

Il-kast ta’ dan il-film jinkludi lil Lawrence Buontempo, Louise Doneo, Mark Doneo, Lindsey Brincau, Darien Doneo u Ryan Paul Mercieca.